Tuesday, December 24, 2024

Subien minn 12-il sena ’l fuq se jingħataw it-tilqima tal-HPV b’xejn

Minn din il-ġimgħa stess se jibdew jitqassmu l-istediniet bl-appuntamenti

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li t-tilqima tal-HPV (Human Papillomavirus) se tibda tingħata wkoll lis-subien.

Huwa qal li minn din il-ġimgħa stess, subien minn 12-il sena ’l fuq se jkunu qegħdin jirċievu l-invit biex jieħdu t-tilqima kontra dan il-mikrobu. Fearne qal li dan il-programm ta’ vaċċinazzjoni se jkun qiegħed jiswa lill-gvern mat-€330,000 kull sena. Semma wkoll kif fl-aħħar 10 snin madwar 20,000 tfajla ngħataw din it-tilqima għal kontra l-virus b’aċċettazzjoni ta’ madwar 90 fil-mija li naqqset drastikament ir-riskju tal-mikrobu. Dan il-mikrobu tal-virus tal-HPV jista’ jikkawża diversi konsegwenzi fis-saħħa kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, fosthom kanċer tal-għonq tal-utru fin-nisa.

Id-DPM u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Dr Charmaine Gauci. Ritratt: Alan Saliba.

Fearne qal li subien u tfajliet ta’ 12-il sena ser jingħataw żewġ dożi waqt li dawk li ghandhom aktar minn 15-il sena ser jingħataw tliet dożi. Minbarra dawk bejn it-12 u l-15-il sena se jkunu qegħdin jitlaqqmu s-subien kollha li twieldu mill-2000 ’l hawn bħala parti minn proċess ta’ rkupru għas-snin preċedenti li fihom dawn is-subien ma kinux jiġu mlaqqmin. Il-Ministru Fearne qal li biex jiġu milħuqin dawn is-subien, il-gvern se jkun qiegħed jinvesti fis-saħħa tagħhom €2.2 miljun fuq medda ta’ madwar sentejn u nofs.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Dr Charmaine Gauci, qalet li l-virus tal-HPV jgħaddi minn persuna għall-oħra l-aktar waqt kuntatt għal ċertu ħin b’mod partikolari waqt attività sesswali.

Hija qalet li qed tiġi offruta lil subien minn 12-il sena biex tkun aktar effettiva qabel mal-persuna tkun attiva sesswalment għax jekk tittieħed wara li tibda l-attività sesswali t-tilqima tkun inqas effettiva.

Min-naħa tagħha s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci appellat lill-ġenituri biex jilqgħu l-istediniet tal-awtoritajiet għas-saħħa u jipproteġu lil uliedhom minn viruses li jafu jkollhom impatt negattiv fuq saħħet uliedhom fil-futur. Hija saħqet li t-tilqima tal-HPV li qed tkun offruta lill-adoloxxenti Maltin hija waħda mill-aqwa li hemm fis-suq għaliex tipproteġi lill-adoloxxenti minn disa’ tipi ta’ viruses tal-HPV.

Ekonomija

Sport