Friday, July 1, 2022

Suċċessi għall-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u Sigurtà

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Matul ix-xahar t’Awwissu 2020, l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u Sigurtà, solviet numru ta’ każijiet li l-investigazzjonijiet tagħhom bdew matul l-istess xahar, kif ukoll investigazzjonijiet oħra li bdew fix-xhur ta’ qabel.

F’Awwissu, tressqu l-Qorti tliet persuni b’rabta ma’ żewġ każijiet ta’ omiċidji, wieħed li seħħ fis-7 ta’ Awwissu f’Ħal Għaxaq u ieħor f’Tas-Sliema li seħħ fit-18 ta’ Awwissu. Persuna oħra b’rabta mal-omiċidju f’Tas-Sliema tinsab f’idejn l-awtoritajiet Spanjoli wara li ħarbet minn Malta.

Persuna oħra għaddejja proċeduri fil-Qorti b’rabta ma’ attentat ta’ omiċidju li seħħ fit-13 ta’ Awwissu, f’Ta’ Qali.

Fl-istess xahar, il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri solviet diversi serqiet minn residenzi u ħwienet, fosthom :

  • Investigazzjonijiet dwar serqa ta’ numru ta’ mowbajls minn ħanut f’San Ġiljan, li seħħet
    fis-7 ta’ Lulju, 2019, intemmu u waslu biex fil-bidu ta’ Awwissu, raġel tressaq il-Qorti
    akkużat b’dan ir-reat.
  • Fl-24 ta’ Novembru, 2019, seħħ hold-up fiż-Żejtun. Wara investigazzjoni intensiva, dan ix-xahar raġel tressaq il-Qorti akkużat b’din is-serqa.
  • Fit-2 ta’ April, 2020 seħħet serqa min ħanut tal-mowbajls f’Birkirkara. Il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, solvew wkoll dan il-każ u lejn l-aħħar ta’ Awwissu, żewġ persuni tressqu.
  • Fl-20 ta’ Ġunju, 2020, il-Pulizija ġiet infurmata b’serqa ta’ mutur f’Għawdex. L-investigazzjonijiet waslu biex fil-bidu ta’ dan ix-xahar, tressqu l-Qorti żewġ persuni.
  • Serqa oħra solvuta, din id-darba ta’ mutur tal-ħart li seħħet fit-18 ta’ Lulju, 2020. Raġel tressaq akkużat b’din is-serqa.
  • Fl-1 t’Awwissu, 2020, seħħet serqa ta’ eluf ta’ ewro minn residenza privata f’San Pawl il-Baħar. Min wettaq is-serqa inqabad jistaħba f’appartament fil-Balluta u tressaq il-Qorti.
  • Fit-8 ta’ Awwissu, 2020, seħħew żewġ serqiet mill-istess persuna f’Wied il-Għajn u Ħal Tarxien. Jumejn wara min wettaq dawn ir-reati tressaq il-Qorti.
  • Fl-14 ta’ Awwissu, il-Pulizija daħlilha rapport ta’ hold-up fil-Marsa. Il-każ kien solvut u dak in-nhar stess tressqet il-Qorti persuna b’rabta ma’ din is-serqa.
  • Każ ieħor solvut fl-istess ġurnata kien dak ta’ żewġ attentat ta’ serqiet f’Ħal Għaxaq, fis-16 ta’ Awwissu, 2020. Dak in-nhar stess il-Pulizija resqet il-Qorti persuna akkużata biż-żewġ każijiet.

L-Assistent Kummissarju Sandro Gatt, li jmexxi l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u Sigurtà qal li s-suċċess ta’ dawn l-investigazzjonijiet huma frott ta’ sigħat twal ta’ ħidma bla waqfien mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.

Qal li x-xahar t’Awwissu kien wieħed impenjattiv, fejn mhux biss kellna reati li seħħew dan ix-xahar stess u li ħafna minnhom ġew solvuti b’suċċess, iżda ukoll ġew konklużi investigazzjonijiet oħra ta’ reati li seħħew fix-xhur ta’ qabel u li wasslu biex tressqu n-nies il-Qorti. Minbarra li ġew solvuti numru ta’ serqiet, il-pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri arrestaw u ressqu persuni b’rabta maż-żewġ omiċidji li seħħew f’Ħal Għaxaq u Tas-Sliema.

Intant, għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet dwar allegat serq ta’ sigaretti minn maħżen fil-Belt Valletta, fil-bidu ta’ Lulju. Erba’ persuni qed jgħinu lill-pulizija wara operazzjoni li saret fit-13 t’ Awwissu 2020, fis-Swieqi, fejn instab ammont kbir mis-sigaretti misruqa.

Sport