Thursday, April 25, 2024

Suċċess għall-MPE Alex Agius Saliba fil-Ħidma għal Prezzijiet iżjed Stabbli u Trasparenti fil-Qasam tat-Telekomunikazzjoni

Aqra wkoll

Erba’ xhur ilu L-MPE Alex Agius Saliba talab lil Awtorità Maltija tal-Komunikazzjoni sabiex tinvestiga abbuż mill-kumpaniji li joperaw f’dan il-qasam li kien qed jikkawża inċertezza għall-konsumatur Malti. L-investigazzjonijiet li wettqet l-Awtorità taw raġun lill-MPE Laburista u wasslu sabiex ġew introdotti numru ta’ miżuri li jindirizzaw it-talbiet ta’ Agius Saliba u jipproteġu lil-konsumatur.

Grazzi għal ħidma tal-MPE, kumpaniji li joffru pakketti ta’ komunikazzjoni diġitali se jkunu jistgħu jgħollu l-prezzijiet matul il-kuntratt f’każ biss li dan ma jkunx itwal minn sitt xhur. Għalhekk il-maġġoranza tal-kuntratti, li normalment ikunu għal sentejn, mhux se jkunu effettwati u l-konsumatur Malti se jkun protett minn żidiet mhux mistennija fil-prezzijiet. Barra minn hekk, il-kumpaniji se jkollhom l-obbligu li jiksbu l-kunsens tal-klijent għal dawn iż-żidiet.

L-MPE Laburista laqa b’sodisfzzjon id-deċiżjoni mittieħda. “Nirringrazzja lill-Awtorità Maltija tal- Komunikazzjoni talli ndirizzat il-punti li qajjimt dwar l-inċertezzi li qed isofru l-konsumaturi Maltin minħabba żidiet mhux mistennija matul il-kuntratt. Se nkompli nissielet għall-interess tal-konsumaturi f’kull qasam, speċjalment permezz tal-ħidma li qed inwettaq dwar żidiet fil-prezzijiet tal-ikel.”

Agius Saliba irrimarka wkoll l-importanza li nkunu għaqlin f’din ħidma. “Ressaqt it-talba tiegħi dwar żidiet inġusti fil-prezzijiet tal-komunikazzjoni quddiem l-Awtorità Maltija responsabbli għaliex din il-materja hija ta’ kompetenza nazzjonali. Mill-banda l-oħra l-ġlieda kontra monopolji de-facto qed inwettaqha f’fora Ewropej għaliex huma l-post idoneju sabiex jiġu mittieħda l-passi meħtieġa.”

L-mod kif L-MPE Laburista jagħżel b’attenzjoni kif u fejn iressaq it-talbiet tiegħu jikkuntrasta bil-qawwi mal-atteġġjament tar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista, li jwaddbu t-tajn kif ġie ġie bit-tama li jiksbu vantaġġ politiku. Agius Saliba osserva “Mhux se noqgħod lura milli nitlob lill-Awtoritajiet Maltin sabiex jieħdu azzjoni fi kwistjonijiet fejn huma responsabbli. Nressaq it-talbiet tiegħi f’fora Ewropew biss meta jkun meħtieġ u nkun ikkonfermajt b’ċertezza li l-kwistjoni hija waħda Ewropeja. Żgur mhux se noqgħod nitlob lill-Kummissjoni sabiex tindirizza kwistjonijiet ta’ kompetenza nazzjonali sempliċiment sabiex nikseb risposta, li ovvjament tkun negattiva, kif għamlu riċentement il-PN. Huwa evidenti li l-uniku skop tal-PN huwa li jipprova jħammeġ isem il-Gvern Laburista b’mod inġust.”

Agius Saliba wissa li l-ħidma tiegħu tista tieħu ż-żmien minħabba n-natura komplessa tagħha. “Irridu nifhmu li investigazzjonijiet serji u bir-reqqa jieħdu ż-żmien. Domna erba xhur sabiex insolvu kwistjoni relattivament sempliċi ta’ klawżola ta’ kuntratt miktuba iswed fuq l-abjad. Nistgħu ndumu iżjed sabiex niksbu suċċess fil-ħidma kontra monopolji de-facto fil-bejgħ tal-ikel bl-imnut fejn l-evidenza hija ħafna inqas viżibbli.”

L-MPE jħares il-quddiem sabiex ikompli jikkontribwixxi fix-xhur li fadal minn din il-leġislatura, u fil-leġislatura li jmiss jekk jerġa jiġi elett. “Ninsab sodisfatt li l-Eżekuttiv Nazzjonali approva b’mod unanimu l-kandidatura tiegħi f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni li ser issir f’Ġunju li ġej. Nħares il-quddiem sabiex inkompli nistinka biex nikseb l-aqwa riżultat għal Maltin, speċjalment għal min hu batut u għal dawk l-iżjed fil-bżonn.”

Sport