Sunday, December 22, 2024

Suċċess ta’ skema oħra tal-Awtorità tal-Ippjanar għar-restawr ta’ gallariji tradizzjonali madwar iż-żona ta’ Marsamxett

Aqra wkoll

L-Awtorità tal-Ippjanar temmet b’suċċess ix-xogħlijiet kollha fuq l-iskema tar-restawr tal-gallariji fin-naħa ta’ isfel tal-Belt Valletta. Dan tħabbar mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi spjega li din l-iskema offriet lir-residenti li jgħixu fiż-żona ta’ Marsamxett l-opportunità ta’ darba li jiksbu fondi kollha għal xogħlijiet assoċjati mar-restawr jew mat-tibdil tal-gallariji miftuħa jew tal-injam, kif ukoll bibien, twieqi u aperturi biex jitjieb il-valur estetiku tal-belt kapitali tagħna. Il-ministru kkonkluda li l-għan tal-iskema kien li apparti li jinkorpora l-bżonnijiet tal-komunitajiet ta’ Marsamxett, jippreserva l-karattru uniku tal-Belt iddominat mill-ġmiel tal-gallariji Maltin.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li permezz tal-fondi Ewropej inħarġu żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet taħt l-iskema ‘Marsamxett Balcony’, b’investiment ta’ madwar €700,000 mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali. “B’din l-iskema, ir-residenti tal-Belt ingħataw il-possibbiltà li japplikaw għal fondi biex iwettqu xogħlijiet għar-restawr tal-gallariji tagħhom fejn bl-assistenza tal-fondi Ewropej għinna biex jiġu mħallsa wkoll it-tariffi professjonali ta’ perit, l-ispejjeż għall-kiri ta’ armar matul ix-xogħlijiet kif ukoll l-installazzjoni ta’ ħġieġ doppju. B’dan l-investiment komplejna nsebbħu din iż-żona fil-belt kapitali tagħna”, qal Dr Bonett.

Oliver Magro, Chairperson tal-Kunsill Eżekuttiv fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, qal li meta timxi f’ħafna partijiet tal-Belt Valletta, wieħed jista’ jħoss sens ta’ kburija. “Qed naraw il-kapitali tagħna waħda mill-aktar destinazzjonijiet mixtieqa ta’ Malta għaliex jirnexxielna nżewġu l-kultura, l-arti, id-divertiment u l-ospitalità f’daqqa”, qal is-Sur Magro. Il-finanzjament sar disponibbli għal residenti li jikkwalifikaw, esklużi uffiċċji, bini kummerċjali, organizzazzjonijiet mhux governattivi jew bini reliġjuż. Disgħa u ħamsin proprjetà bbenefikaw minn din l-iskema li rriżultat f’investiment ta’ €700,000 f’Marsamxett biss. Is-Sur Magro faħħar dan il-proġett bħala proġett ieħor ta’ suċċess għall-awtorità u qal, “Fl-aħħar nett inħossni kburi li permezz ta’ din l-iskema rnexxielna nilħqu żewġ fatturi importanti; dik li nkomplu nippreservaw l-arkitettura, kif ukoll irnexxielna ntejbu l-ħajja ta’ diversi familji b’dimensjoni soċjali li jgħixu f’din iż-żona.”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li matul is-snin li għaddew, l-Awtorità tal-Ippjanar kienet minn ta’ quddiem fl-għoti ta’ għotjiet finanzjarji biex tassisti lis-sidien tal-proprjetajiet fir-restawr tal-faċċata tar-residenzi tagħhom, inkluża l-gallarija tradizzjonali Maltija.

Ekonomija

Sport