Waħda mill-istituzzjonijiet importanti f’pajjiżna hija d-Dwana. Hija l-Korp li tassigura li kulma jidħol f’Malta jkun ġenwin u legali. Dwar dan l-aspett, id-Dwana f’dawn l-aħħar xhur, anke grazzi għall-investiment li sar fiha matul iż-żmien qed twettaq ħidma li warajha tħalli suċċess.
Prova ta’ dan kien il-ħidma ftit jiem ilu meta qabdet bi kważi 1.5 tunnellati kokaina fil-Port Ħieles, li l-valur tagħha fis-suq jammonta għal €300 miljun. Din kienet l-akbar qabda f’dak li hu valur u anke f’dak li hi droga u t-tieni qabda kbira ta’ droga mid-Dwana f’temp ta’ ftit ġimgħat.
Dan kollu jiġġustifika illi kienet kemm kienet kbira l-ispiża, l-investiment li sar partikolarment bl-introduzzjoni ta’ tagħmir sofistikat bħalma hu l-iscanner kellna bżonnu fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Il-qbid tad-droga huwa wieħed biss fost il-ħidma li twettaq id-Dwana. Hija wkoll qed taħdem b’mod intensiv biex ukoll taqbad il-ħruġ ta’ ammonti eċċessivi ta’ flus minn pajjiżna. F’dawn l-aħħar żminijiet mhux darba jew tnejn li d-Dwana interċettat nies fl-ajruport li kienu ħerġin minn Malta b’ammonti kbar ta’ flus bi ksur tal-liġi.
Minbarra dan, hemm ukoll l-interċettar u l-qbid ta’ għadd ta’ oġġetti foloz bħalma huma żraben u ħwejjeġ li fuqhom ikollhom il-marka ta’ ditti rinomati. Hawnhekk ta’ min nistaqsu jekk hijiex ġustifikata d-deċiżjoni tal-Qrati, li jaġixxu skont il-liġi, illi dawn l-oġġetti jinqerdu minflok ma jingħataw lil min ikun fil-bżonn. Każi bħal dawn seħħew speċjalment fil-qbid ta’ karozzi u dgħajjes li dawn flok inqerdu, wara żmien stipulat ġew irkantati u b’hekk ukoll l-Istat daħħal il-flus minnhom.
Wieħed jinnota wkoll illi l-kuntatti li d-Dwana ta’ Malta għandha ma’ Dwani oħra dinjin, partikolarment ma’ dawk Ewropej, huma kruċjali f’dak li hu bdil ta’ informazzjoni fil-qbid ta’ kontejners li jkunu qed iġorru dawn l-oġġetti foloz u anke sustanzi lleċti.
Dan il-qbid jawgura tajjeb għall-ħidma li qiegħda tagħmel u diġà għamlet id-Dwana ta’ Malta biex jiġi assigurat illi dak li l-konsumatur Malti jsib fis-suq ikun ġenwin u ta’ kwalità tajba.