Saturday, December 21, 2024

“Sunny kien bniedem sempliċi b’sengħa kbira li uża anke mingħajr ma tħallas”

Ħu Saviour Sammut waqt l-aħħar tislima tiegħu f'San Ġiljan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għadd ta’ pirotekniċi ngħaqdu flimkien ma’ bosta Ġiljaniżi fil-parroċċa ta’ San Ġiljan sabiex jagħtu l-aħħar tislima lil Saviour Sammut, magħruf aħjar bħala Sunny. Għal kważi 60 sena, Sunny offra l-kontribut tiegħu f’dik li hija arti piroteknika għall-festa ta’ San Ġiljan kif ukoll għall-Festa ta’ San Ġuzepp fir-Rabat u għadd ġmielu ta’ Festi oħra madwar Malta u Għawdex.

Waqt l-Omelija, Fr Raymond, li jiġi ħu Sunny, fakkru għall-ħafna xogħlijiet li għamel bis-sengħa tiegħu tat-tqegħid tal-madum. Fakkar kif Sunny ma kienx ifittex u li min jaf kemm għamel xogħlijiet li ma talabx ħlas għalihom. Iż-żwieġ qatt ma kien għal Sunny u din x’aktarx kienet waħda mir-raġunijiet għalfejn iddedika ħajtu għal ħaddieħor. Tkellem ukoll dwar kif ħuh għal bosta snin kien jgħin lil kull min iħabbat il-bieb ta’ ommu għall-għajnuna. Minbarra l-piroteknika, fejn dejjem ħadem b’attenzjoni biex anke jrawwem lil ħaddieħor kif jaħdem kemm jista’ jkun b’mod sigur, Salvu kellu għal qalbu wkoll il-banda u dan tikkonfermah is-Soċjetà Mużikali Spinola li l-membri tagħha mhux biss nġabru biex jakkumpanjawh fl-aħħar vjaġġ tiegħu għall-ħajja ta’ dejjem, iżda anke qasmu miegħu mumenti sbieħ u importanti f’ħajjithom.

L-aħħar tislima lil Sunny f’San Ġiljan

Fl-aħħar tal-quddiesa, Fr Raymond temm billi rringrazzja lil dawk kollha li wrew sogħba magħhom għat-telfa ta’ ħuħ. Huwa temm jirringrazzja lill-Ministru Michael Falzon li għal snin twal kienu kollegi fl-arti piroteknika illi ma setax ikun prezenti minħabba impenji ministerjali barra minn xtutna, kif ukoll lill-qarib tiegħu il-Ministru Clifton Grima tal-attendenza u s-sogħba li offra għal din it-telfa.

L-Għaqda tan-Nar 19 ta’ Marzu sellmet il-memorja tieghu bi ħruq ta’ salut mir-Rabat b’turija ta’ rispett għall-ħidma twila tiegħu matul is-snin.

YouTube video
Ekonomija

Sport