Il-leġġendarju ta’ Inter, Karl-Heinz Rummenigge, ‘ma setax jemmen dak li għamlu Juventus’ u jammetti li daħak bl-iskandlu ta’ Barcelona: ‘Kelli sentimenti strambi meta lgħabna fi Spanja.’
L-eks internazzjonali Ġermaniż tkellem ma’ ġurnal sportiv Taljan dwar il-ġrajjiet kurrenti fil-football Taljan u Ewropew.
“Il-clubs Ingliżi jonfqu flus tal-ġenn b’mod irrazzjonali, filwaqt li clubs oħra fl-Ewropa jmorru ‘l quddiem bejn skandli u kriżijiet finanzjarji, iżda xorta jistgħu jġibu trofej f’darhom,” huwa qal.
“Dan ifisser li l-clubs tal-Premier League jagħmlu żbalji nkredibbli, is-suq huwa bla kontroll hemmhekk.”
“Chelsea nefqu mijiet ta’ miljuni ta’ ewro, biss biex sabu ruħhom fl-10 post tal-klassifika, huwa assurd. Il-globalizzazzjoni tas-suq ħolqot disparità inkredibbli. Darba, kien hemm suq intern u flus iċċirkolati fi ħdan sistema. Il-ġid irid jitqassam b’mod aħjar.”
Bayern Munich kienu fost il-clubs li rrifjutaw li jkunu nvoluti fis-Super League Ewropew kważi sentejn ilu u Kalle mhux sorpriż li kien organizzat minn Juventus, Real Madrid u Barcelona.
“Mhux b’kumbinazzjoni li kienet idea ta’ tliet clubs bi problemi enormi ta’ likwidità,” tenna Rummenigge.
“Issa l-proposta tas-Super League hija li jiġu nklużi 80 club u mhux 20 iżda l-football ma jiflaħx bidla daqshekk radikali. Dak li jrid jinbidel malajr huwa l-Financial Fair Play, li jrid ikun iktar strett. Il-clubs huma kontinwament taħt pressjoni mill-partitarji u mill-midja li jitolbu li jonfqu ħafna flus, iżda l-football huwa l-unika industrija li tikkawża telf.”
Juventus ingħataw kastig ta’ 15-il punt għal irregolaritajiet finanzjarji dan l-istaġun u jistgħu jiffaċċjaw tnaqqis ta’ iktar punti fix-xhur li ġejjin hekk kif il-Prosekutur tal-FIGC, Giuseppe Chinè, qed jinvestiga ‘l hekk imsejħa ‘manuvra tas-salarju’.
“Ma stajtx nemmen dak li għamlu Juventus, qatt ma smajt xi ħaġa simili f’ħajti,” qal Rummenigge.
“Juventus huma club mill-aqwa fl-Italja u fl-Ewropa iżda kkommettew auto-goal inkredibbli. Jien ċert li se jkunu jistgħu jerġgħu jibnu mill-ġdid fil-ħin it-tajjeb.”
Juventus appellaw kontra t-tnaqqis tal-punti tal-FIGC wara li tneħħew mill-akkużi fl-ewwel prova sportiva li saret sena ilu.
Barcelona, mill-banda l-oħra, huma nvoluti fi skandlu ta’ referees fi Spanja qed jiġu akkużati li ħallsu lill-eks viċi-president tal-Kumitat Tekniku tar-Referees, Enriquez Negreira, is-somma ta’ €1.4 miljuni.
“Dħakt meta qrajt l-aħbarijiet, iżda mhux sorpriż,” ammetta l-eks stilla ta’ Inter.
“Kull darba li lgħbna fi Spanja kelli sensazzjoni stramba. Dawn huma affarijiet inaċċettabbli li ma jikkonċernawx biss il-kompetizzjoni domestika u anke l-kwistjoni tar-refereeing trid tiġi ffaċċjata b’serjetà u rispett.”
“Jogħġbuni Napoli, jogħġobni Victor Osimhen u wkoll il-coach. Iltqajt miegħu waqt it-tieġ ta’ binti fil-Castello di Giffoni, Luciano Spalletti jgħix viċin u għalhekk iltqajna b’mod każwali,” żvela l-player ta’ 67 sena.
“Kellna espresso u tkellimna dwar il-football. Tista’ tara idu fuq din in-naħa ta’ Napoli. M’għandux players famużi u dan iżid aktar fix-xogħol tiegħu.”
Rummenigge kkummenta wkoll dwar l-istat tal-football Taljan u qal li stadiums ġodda jgħinu lill-clubs tas-Serie A.
“Sakemm il-kunsilli tal-belt jippossjiedu l-istadiums se jkun impossibbli li jinbidlu.
“Kellna l-istess kwistjoni fil-Ġermanja, iżda t-Tazza tad-Dinja tal-2006 għenitna negħlbu din il-problema. Bnejna grounds tal-għaġeb għall-familji. Il-Euro 2032 tista’ tgħin lill-Italja ssegwi l-eżempju tagħna u nittama li l-kompetizzjoni tintlagħab hemm.”