B’reazzjoni għar-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) dwar is-suq tad-djar f’Malta, il-Malta Developers Association (MDA) qalet li dan jikkonferma dak li ilha tissottolinja għal snin sħaħ – suq stabbli mibni fuq pedamenti ekonomiċi b’saħħithom.
Fi stqarrija l-MDA kkwotat ir-rapport fejn jingħad li, “id-dejta attwali ma tissuġġerix l-ebda valutazzjoni żejda fis-suq tal-proprjetà hekk kif ż-żidiet fil-prezzijiet kienu konformi mat-tkabbir fid-dħul tal-familji f’dawn l-aħħar snin”. L-IMP fil-fatt tispeċifika li r-ratio bejn il-prezzijiet u d-dħul baqa’ stabbli mis-snin bikrin tal-2020. Dan juri li s-suq li qed jikber b’mod bilanċjat u sostenibbli u li qed joffri serħan il-moħħ lil min jinvesti u lil min jixtri d-dar tiegħu.
L-Assoċjazzoni ġibdet l-attenzjoni li r-rapport jikkonferma wkoll li l-possibbiltà ta’ tnaqqis fis-suq tad-djar hija baxxa ħafna. L-IMF jaqbel mal-valutazzjoni tal-awtoritajiet Maltin li r-riskji huma limitati u li l-valur tal-proprjetà jibqa’ allinjat mal-pedamenti ekonomiċi reali. Dan juri li r-regolamentazzjoni u l-monitoraġġ kontinwu tal-Gvern qed jagħtu frott konkret u qed jipproteġu kemm is-settur kif ukoll il-familji Maltin.
Aspett ieħor ċentrali li jissemma’ huwa s-saħħa tas-settur bankarju. L-IMF jikkonkludi li l-banek Maltin huma reżiljenti b’livelli għoljin ta’ kapital u likwidità u li s-swieq lokali ma juru ebda sinjal ta’ stress finanzjarju. Fl-istess ħin l-esperti faħħru l-miżuri proattivi introdotti f’dawn l-aħħar snin biex tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja tal-pajjiż.
B’dan l-isfond l-IMF jiddikjara li l-projezzjonijiet ekonomiċi għal Malta huma mibnija fuq pedamenti sodi. It-testijiet ta’ stress tal-Bank Ċentrali juru li l-banek jistgħu jifilħu anke għal xokkijiet severi filwaqt li l-IMF qed ibassar tkabbir ta’ madwar erba’ fil-mija rata ferm ogħla mill-medja Ewropea. Il-qgħad mistenni jibqa’ f’livelli storikament baxxi u dan jissarraf f’aktar sigurtà u ġid għall-familji.
Il-Malta Developers Association qalet ukoll li, “il-konklużjonijiet tal-IMF jikkonfermaw li s-suq tad-djar f’Malta mhuwiex mibni fuq bżieżaq imma fuq ekonomija b’saħħitha u politiki serji. Dan huwa r-riżultat ta’ governanza soda u viżjoni fit-tul li qed toħloq stabbiltà u opportunitajiet għall-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.”
Fl-aħħarnett l-Assoċjazzjoni esprimiet sodisfazzjon dwar il-fatt li l-IMF ddeċieda li “l-ekonomija Maltija hija tant b’saħħitha” li mhemmx bżonn li jagħmel valutazzjoni komprensiva kull sentejn, rikonoxximent li jsaħħaħ aktar ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala pajjiż stabbli dinamiku u reżiljenti.

