Wednesday, December 25, 2024

SUQ WIEĦED EWROPEW

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-proġett ta’ suq wieħed Ewropew bħala idea li tgħaqqad l-ekonomiji nazzjonali tal-kontinent kienet mill-bidu idea qawwija. Biex tirnexxi kellhom jiġu mwittija differenzi nazzjonali mhux żgħar. Ħaġa kurjuża kif il-prim ministru Ingliża Thatcher kienet fost l-aktar attivi biex l-għan jintlaħaq. Għaliha suq wieħed ħieles ma kienx jikkontradixxi s-sovranità politika tal-pajjiżi membri.

Imma fiċ-ċirkostanzi li żviluppaw, is-suq wieħed ifisser ukoll li kull pajjiż irid jaċċetta regoli komuni li bihom jitmexxew oqsma sħaħ tal-ekonomija. U f’ħafna każi, jaċċetta wkoll liġijiet u qrati komuni. Ir-Renju Unit iddimetta minn dal-proċess.

F’ekonomiji li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qed ikunu bbażati fuq servizzi li jagħqdu u jduru madwar it-teknoloġija tal-kompjuters, is-suq wieħed Ewropew se jkollu jinbena aktar u aktar fuq tnaqqir ċar tas-sovranitajiet nazzjonali. Regolamenti, is-superviżjoni tagħhom, il-ħolqien ta’ aktar miżuri li jissalvagwadrjaw l-integrità tas-suq wieħed kontinentali kollha jwieżnu f’din id-direzzjoni.

KONTROLL FUQ L-INFORMAZZJONI

Ħabib tiegħi (ħalli nsejjaħlu hekk) qalli: Ma fhimt xejn ta’, mir-raġuni tiegħek għaliex hu jew kien diffiċli li f’pajjiżna jinżamm kordinament bejn it-tmexxija ta’ oqsma differenti meta dawn l-oqsma jkunu involuti flimkien f’xi proġett kbir.

Ir-raġuni mhijiex li l-oqsma huma tradizzjonalment organizzati f’sezzjonijiet jew kompartimenti riġidi u min imexxihom mhuwiex imdorri jaħdem mill-qrib ma’ ħaddieħor.

Ir-raġuni vera għaliex instabet ħaġa daqshekk diffiċli li l-kordinament isir bla problemi hi li f’soċjetà ċkejkna bħal tagħna, l-informazzjoni titqies bħala għajn ta’ kontroll u ta’ poter. Li taqsam l-informazzjoni ma’ ħaddieħor, li jista’ jkun – jew jista’ jispiċċa – kompetitur, sempliċement iservi biex idgħajjef il-pożizzjoni ekonomika u soċjali tiegħek.

Allura żomm kollox f’ħobbok kemm tista’: mela tgħaddih lil ħaddieħor! 

Iċ-ċiniċi mhux dejjem ikunu żbaljati.

EMENDI KOSTITUZZJONALI 

L-istess argument taċ-ċokon tas-soċjeta tagħna jista jitpoġġa’ bħala sfond għall-proposti li qed isiru dwar bidliet kostituzzjonali. Uħud minnhom huma innovattivi, anke jekk mhux għal kollox.

Il-problema fihom hi li huma bbażati fuq l-esperjenza ta’ pajjiżi Ewropej oħra. X’hemm ħażin f’dan? – se jkun hemm min jistaqsi. Bħallikieku aħna m’aħniex Ewropej??

Li hemm dubjuż fil-proposti hu li donnhom kollha jinsew il-problema taċ-ċokon ta’ dil-gżira. Anke President eżekuttiv jew Prim Imħallef se jkollhom it-tħassib ta’ x’se jiġri mill-familji tagħhom. Meta t-tfal jew it-tfal tat-tfal se jiġu biex jimpjegaw ruħhom, dawn x’aktarx se jsibu rwieħhom wiċċ’imbwiċċ mal-istituzzjonijiet u n-nies li l-President qed ipoġġi taħt regoli stretti waqt li l-Prim Imħallef jiġġudika dwar każi li fihom huma involuti. 

Sadattant ix-xibka ta’ ħbieb tal-ħbieb tibqa’ ħajja. Liema bidla kostituzzjonali se tikkoreġi għal din ir-realtà?  

Ekonomija

Sport