Tuesday, December 24, 2024

Surġent tinżamm arrestata wara li ġiet akkużata li żvelat informazzjoni dwar rejds għad-droga

Aqra wkoll

Cherise Camilleri ta’ 28 sena baqgħet tinżamm arrestata wara li tressqet il-Qorti quddiem il-Maġistrat Victor Axiak akkużata bi żvelar ta’ informazzjoni lil terzi persuni.

Fil-Qorti Camilleri, li taħdem fi ħdan l-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, ġiet mixlija li żvelat informazzjoni b’rabta anke ma’ rejds li kellhom isiru lill-persuni dwar diversi investigazzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni spjegat li kellha informazzjoni li kien hemm uffiċjal fi ħdan l-iskwadra ta’ kontra d-Droga, li bdiet toħroġ l-informazzjoni lil terzi. Żiedet tgħid li l-istess informazzjoni kienet tindika li l-uffiċjal kienet mara bi tpenġija f’idha. Minn hemm bdiet investigazzjoni fi ħdan l-Iskwadra tal-Pulizija fejn instab li l-persuna kienet is-Surġent Cherise Camilleri.

Minn investigazzjoni ulterjuri li saret irriżulta wkoll li Camilleri u wieħed mill-persuni involuti fl-Investigazzjoni tal-Pulizija kienu anke ħbieb fuq pjattaformi soċjali. Minn hemm inħareġ mandat ta’ tfittxija fil-konfront ta’ Camilleri fejn ġiet arrestata u tteħdilha l-mobile. L-akkużata ċaħdet, madankollu l-pulizija sabu li kien hemm kuntatt bejn l-istess Camilleri u persuna ta’ interess fl-investigazzjoni tal-pulizija, fejn Camilleri għaddiet informazzjoni b’rabta ma’ rejd li kellhom isiru u li anke saru fil-passat.

Filwaqt li l-akkużata wieġbet mhux ħatja, id-Difiża ma kkontestax il-validità tal-arrest u lanqas ma saret talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputata.

L-avukati tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta mexxew il-prosekuzzjoni, assistiti mill-Ispetturi Christina Delia u Lydon Zammit.

L-akkużata kienet rappreżentata mill-avukati Arthur Azzopardi u Frank Tabone.

Ekonomija

Sport