Friday, December 13, 2024

Għawdex se jkun ir-Reġjun tal-Kultura 2025

Aqra wkoll

Il-gżira Għawdxija se tkun ir-Reġjun tal-Kultura għas-sena d-dieħla, dan wara li fi ftit ġimgħat jintemm it-terminu tar-Reġjun Lvant bħala r-Reġjun tal-Kultura 2024. Ta’ kull sena reġjun differenti f’pajjiżna jintgħażel sabiex matul dik is-sena jtella’ għadd ta’ attivitajiet kulturali fil-lokalitajiet rispettivi fir-reġjun.

Dan tħabbar mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjannar, Clint Camilleri, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, fil-preżenza tal-President tal-Kunsill tar-Reġjun ta’ Għawdex, Dr Samuel Azzopardi.

Ġie spjegat li matul is-sena d-dieħla se tiġi ċċelebrata l-identità kulturali unika tal-gżira Għawdxija permezz ta’ programm multidixxiplinarju li jesplora u jgħaqqad prattiċi tradizzjonali u dawk kontemporanji. Il-programm se jkopri diversi dixxiplini kulturali u kreattivi bħaż-żfin, il-mużika, it-teatru, l-arti viżiva, iċ-ċinema, il-letteratura, il-wirt kulturali, l-arkitettura u l-gastronomija.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr, “Ilna ħafna naħdmu biex lil Għawdex stabbilixxejnieh bħala destinazzjoni għal matul is-sena kollha u ħloqna turiżmu ta’ kwalità. Bl-attivitajiet kulturali li jorganizza l-Ministeru rnexxielu jattira viżitaturi lejn il-gżira anki fix-shoulder months tant li fi tmiem il-ġimgħa Għawdex sar ikun mimli ħajja u attivitajiet kulturali f’kull staġun.” Huwa qal li għalhekk Għawdex bħala r-Reġjun tal-Kultura 2025 żgur li ser ikompli jsaħħaħ dak kollu li nbena u li hu bbażat fuq il-wirt kulturali għani u l-potenzjal kreattiv uniku tal-gżira Għawdxija.

Il-Ministru Camilleri temm jgħid li din hija opportunità sabiex l-2025 tibqa’ mnaqqxa fl-istorja kulturali ta’ Għawdex filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha li qed jaħdmu biex jagħmlu din l-inizjattiva suċċess.

Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli, qalet li l-kalendarju ta’ attivitajiet se jkun mifrux u diversifikat, fejn se jinkludi l-parteċipazzjoni ta’ kull lokalità u għalhekk mistenni jattira turisti, Maltin u barranin tul ix-xhur kollha tas-sena. Spjegat li kull lokalità, żgħira kemm hi żgħira, ser ikollha parteċipazzjoni f’dan il-programm li se jkompli jżewwaq l-attivitajiet li diġà qed jagħmlu l-kunsilli lokali u anke għaqdiet oħra fil-gżira Għawdxija.

“Il-gżira Għawdxija hi waħda unika u rikka fir-rigward tal-qasam kulturali. Il-programm li ħejja r-Reġjun ta’ Għawdex hu wieħed vast ukoll, fejn apparti li se jara attivitajiet reliġjużi, li Għawdex hu magħruf sew għalihom, se jkun qed imur lil hinn u jtella’ attivitajiet oħra marbuta ma’ Għawdex innifsu, il-folklor u anke l-gastronomija b’mod partikolari l-ikel tradizzjonali Għawdxi,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli, filwaqt li appellat ukoll sabiex kemm l-Għawdxin u anke l-Maltin, li jżuru din il-gżira, jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet.

Min-naħa tiegħu, il-President tar-Reġjun ta’ Għawdex Dr Samuel Azzopardi qal li r-Reġjun tal-Kultura 2025 huwa opportunità li jiċċelebra t-talent tal-gżira filwaqt li jipprovdi pjattaforma u spazju għall-artisti ġodda sabiex jibbrillaw. Huwa temm jgħid li din se tawgura tajjeb għall-futur tal-kreattività f’Għawdex, hekk kif il-kapitali tar-Rabat, bħalissa qed titfa’ l-offerta tagħha għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031.

Ekonomija

Sport