Wednesday, December 25, 2024

“Surreali kif l-Oppożizzjoni pprovat titfa’ dell fuq l-Imħallef li qed jisma’ l-kawża” – il-Prim Ministru

... Tibda tinstema’ l-kawża tal-PN dwar l-isptarijiet

Aqra wkoll

Quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti bdiet tistema’ l-kawża li fetaħ il-Partit Nazzjonalista kontra l-Avukat tal-Istat dwar it-tliet sptarijiet. Kawża li l-Gvern qiegħed jitlob li jintervjeni fiha sabiex primarjament jiddefendi l-interess nazzjonali. 

Fil-bidu tas-seduta, l-Avukati tal-Oppożizzjoni staqsew lill-Imħallef jiddikjara l-parentela mal-kirurgu u t-tabib Charles Grixti li llum huwa mejjet. Dan wara li huwa kien involut fl-assessjar tad-due diligence tal-konċessjoi tal-isptarijiet mil-lat mediku. 

L-Imħallef Grixti rrikonoxxa r-rabta familjari u stieden liż-żewġ partijiet sabiex iressqu kull talba skont il-liġi li huma jqisu xierqa. Iżda l-partijiet imbagħad iddikjaraw li ma kellhom l-ebda oġġezzjoni jew riservi biex l-Imħallef Grixti jkompli jisma’ l-kawża.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara s-seduta tal-bieraħ, il-Prim Ministru Robert Abela, li kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri u l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard, iddeskriva bħala “surreali” il-mod ta’ kif l-Oppożizzjoni pprovat titfa’ xi dell ta’ dubju fuq l-Imħallef li qed jisma’ l-kawża.

Il-Prim Ministru sostna li dan huwa sintomatiku ma’ dak li sejjaħlu bħala “attakk selettiv” li l-Oppożizzjoni tagħmel fuq uħud mill-istituzzjonijiet meta u kif jidhrilha. “Wara li l-Oppożizzjoni pprovat tixħet dan l-ombra ta’ dubju fuq l-Imħallef sedenti, imbagħad iddikjarat li m’għandhiex oġġeżzjoni li l-Imħallef jisma’ l-kawża,” qal Dr Abela. 

Żied li huwa dan it-theddid lejn l-istituzzjonijiet li mmotiva lill-Gvern biex jagħmel it-talba tiegħu u jidħol f’din il-kawża. Dan apparti l-ħsara l-kbira li tista’ ssir fl-arbitraġġ internazzjonali li l-Gvern ilu numru ta’ xhur li mexxa.

“Kuntrarju għall-impressjoni li pprovat tagħti l-Oppożizzjoni li l-gvern m’għamel xejn, il-Gvern ilu xhur li aġixxa kontra Steward. Tant hu hekk li l-ewwel żewġ deċiżjonijiet preliminari f’dak l-arbitraġġ ġew deċiżi favur il-gvern, evidentement xi ħaġa li l-Oppożizzjoni mhi tieħu xejn pjaċir biha,” tenna l-Prim Ministru. 

L-Avukati James D’Agostino u Julian Farrugia dehru għall-Avukat tal-Istat. L-Avukati Chris Cilia, Ian Borg u Maurizio Cordina dehru għall-Gvern u l-Kabinett. L-Avukati Edward DeBono u Nicholas DeBono dehru għall-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u d-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia. 

Ekonomija

Sport