In-nirien li ħakmu f’partijiet sħaħ tal-Italja inkluż fil-gżira ta’ Sqallija qed iqanqlu suspetti fondati li dawn ma tqabbdux mis-sħana ta’ xemx imma tqabbad apposta. Dawn l-aħħar nirien infirxu bla kontroll l-iktar f’partijiet tan-Nofsinhar tal-Italja li ġiegħlu lil eluf jaħarbu mill-inħawi.
L-għaqda agrikola Coldiretti saħansitra qed issostni li 60% tan-nirien tal-foresti huma magħmula mill-bniedem. Għalhekk ħafna qed jistaqsu għala l-bniedem jasal sa hawn u jipprovoka nirien fatali?
Is-sħana qawwija u n-nixfa aggravati mit-tibdil fil-klima ikomplu jagħmlu l-affarijiet aktar agħar. F’din il-parti tal-Italja, in-nirien li nfirxu mhux biss ikkawżaw evakwazzjonijiet ta’ nies imma wkoll dawru l-art fejn ħakmu f’irmied b’dannu kbir għall-istorja u l-ekoloġija tal-art.
Madwar l-għoljiet tal-Park Nazzjonali Aspromonte fiċ-ċentru tal-Kalabrija kien hemm baħħ spettakolari bi fdalijiet maħruqa ta’ vetturi jimlew il-ġnub tat-toroq.
Fl-aħħar sentejn, nirien għamlu ħsara kbira lil knisja tas-seklu 13 fi Sqallija u ħarqu diversi siġar taż-żebbuġ tal-istess seklu fil-Puglia.
Is-sena l-oħra f’Calabria nqabdu 22 persuna li qabbdu nirien u din is-sena mistennija wkoll li jinqabdu u jiġu arrestati persuni oħra. L-awtoritajiet reġjonali bħala deterrent kontra min iqabbad in-nirien, qed jenfasizzaw li jiddaħħlu fis-seħħ sistemi biex jiskoraġġixxu din l-imġiba, inklużi drones li jissorveljaw it-territorju mill-għoli.
Teżisti wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra t-tqabbid tan-nar. Fl-2000, l-Italja introduċiet leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-bini ta’ proprjetà fuq art li tkun inħakmet min-nirien ftit qabel. Dan sabiex tiġġieled lil min jipprova jqabbad in-nirien biex jixtri art maħruqa bl-irħis.
Madankollu, xi nirien magħmula mill-bniedem mhux bilfors huma riżultat ta’ intenzjoni kriminali. Eżempju ta’ dan huma bdiewa li jqabbdu in-nirien b’mod goff f’tentattiv biex jeqirdu l-ħaxix ħażin.
Hemm suspettati wkoll li xi pumpieri bdew in-nirien huma stess sabiex jiġbdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet lokali għall-qagħda mwiegħra tagħhom.
Xi wħud oħrajn jitfgħu it-tort fuq it-tensjonijiet li hemm bejn il-ġirien rurali. Oħrajn iwaħħlu fir-rgħajja li jridu jibdlu l-imsaġar f’art fejn ikunu jistgħu jirgħu l-bhejjem. Iżda hemm min hu aktar konvinti li dawk li jqabbdu n-nirien jagħmlu hekk biex joħolqu l-kaos.
In-nirien mifruxa huma diżastru għall-ambjent tal-madwar ukoll. Fil-fatt, skont Francesco Giardina tal-Coldiretti, l-irkupru ta’ boskijiet meqruda jieħu madwar 15-il sena u ż-żona inkwistjoni ssir aktar vulnerabbli għall-valangi.
Din il-ġimgħa, il-pulizija Taljana arrestat raġel ta’ 79 sena li allegatament qabbad nar kbir li qered 30 ettaru ta’ art – l-ekwivalenti ta’ 42 grawnd tal-futbol – ta’ msaġar taż-żebbuġ fiċ-ċentru ta’ Sqallija.