Friday, July 19, 2024

SUSSIDJI

Aqra wkoll

L-argument bejn il-gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea (imma anke l-Fond Monetarju Internazzjonali) dwar is-sussidji li l-gvern baqa’ jagħti fuq il-prezzijiet tal-enerġija hu wieħed li minnu nnifsu hu interessanti, taqbel ma’ liema naħa taqbel.

Il-gvern qed isostni li fil-kuntest Malti ta’ ekonomija mikro fuq gżira, is-sussidji mogħtija jagħmlu sens għax jikkumpensaw b’mod effettiv għall-iżvantaġġi li l-pajjiż u l-popolazzjoni jaffaċċjaw f’kompetizzjoni għal riżorsi u swieq ma’ inħawi oħra. Qed itaffu l-inflazzjoni u jżommu l-produzzjoni tal-gżira kompetittiva. Sadattant il-piż li jpoġġu fuq il-finanzi publiċi hu wieħed li jista’ jinġarr u mhuwiex qed joħloq ħofra fil-baġit li ma tistax timtela’.

Il-Kummissjoni targumenta li s-sussidji huma wisq ta’ ħala’ kif imfassla. Il-prezzijiet f’Malta tal-enerġija jridu jirriflettu dawk li hemm fis-suq għax jekk le, se jitqanqal — kif qed jiġri — użu żejjed ta’ enerġija, speċjalment f’konsum “ta’ lussu”. Is-sussidji m’għandhomx jaġevolaw lis-sinjuri u lill-“fqar” bl-istess mod, imma dawk li jinżammu għandhom ikun mmirati lejn persuni bi dħul relattivament baxx. Ukoll, bil-maqlub tal-gvern, il-Kummissjoni tiddubita kemm is-sussidji huma sostenibbli bil-mod kif qed jitħaddmu.

INFORMAZZJONI

Pern tad-demokrazija hu li l-gvern jagħti rendikont publiku ta’ kif qed jonfoq flus il-poplu. Ir-rwol tal-Oppożizzjoni min-naħa tagħha hu li tqajjem materji li dwarhom tista’ tikkritika lill-gvern, mhux l-anqas fuq kif qed imexxi n-nefqa tiegħu.

Ħaġa ovvja u naturali li l-mistoqsijiet tagħha fil-Parlament isiru bil-għan ta’ kritika. Ġieli jaslu f’mumenti antipatiċi għall-gvern għax per eżempju, l-informazzjoni mitluba tkun qed tintuża f’xi negozjati ma’ partijiet terzi u ma jkunx jaqbel li titperreċ “kmieni”. Hawn il-gvern ikollu kull interess u ġustifikazzjoni biex iżomm lura u ma jagħtix it-tagħrif mitlub.

Imma li l-istess ħaġa ssir f’każi oħra jew għal xejn b’xejn, ma jagħmilx sens. Imġiba hekk tinnega t-trasparenza li hi l-marka ta’ kull demokrazija ġenwina.

ŻGĦAŻAGĦ

Fl-Ewropa (Malta inkluża) jsiru sforzi kbar biex jitqanqal interess akbar fil-ħidma politika fost iż-żgħażagħ. Hu tajjeb li qed isiru dawn l-isforzi għax mingħajr tiġdid, il-proċessi politiċi jistaġnaw u jispiċċaw dejjem aktar imbiegħda mill-ħajja taċ-ċittadini.

Biss hemm ironija kiefra f’dan li qed jiġri. Għax waqt li t-tħeġġiġ liż-żgħażagħ baqa’ jinfirex, in-numru ta’ żgħażagħ fil-popolazzjoni Ewropea naqas u kollox juri li se jkompli jonqos. Sfida quddiem il-popolazzjonijiet Ewropej tal-ġejjieni hu kif se jqassmu x-xogħol u l-benefiċċji bejn il-ġenerazzjonijiet. F’dan, leħen iż-żagħżagħ se jkun anqas qawwi numerikament u politikament minn ta’ ġenerazzjonijiet ixjeħ. X’aktarx li dawn tal-aħħar se jkunu anqas interessati minn ta’ qabilhom li jċedu minn idejhom ir-riedni tat-tmexxija.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport