Saturday, July 13, 2024

Tliet bajjiet Għawdxin għal sena oħra jingħataw il-Blue Flag Award

Il-bajja tax-Xwejni issa hija “Beach of Quality”

Aqra wkoll

Il-bajjiet popolari tar-Ramla l-Ħamra, Ħondoq ir-Rummien u Marsalforn f’Għawdex, għal sena oħra, reġgħu kisbu l-Blue Flag. Dan ifisser li dawk il-bajjiet laħqu standards għoljin f’erba’ kategoriji ewlenin, dik tal-kwalità tal-ilma, l-immaniġġjar tal-ambjent, l-edukazzjoni ambjentali, u s-sigurtà fil-bajja.

Magħhom issa żdiedet ukoll il-bajja tax-Xwejni, li għall-ewwel darba ngħatat il-“Beach of Quality Award”. Dan huwa pass eqreb biex din il-bajja fit-tramuntana tal-gżira, issir ukoll Blue Flag Beach fil-futur qrib.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri rringrazzja lill-Beach Management Team taħt is-superviżjoni tal-Intervention Team fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, li jaħdem qatigħ bil-għan li jżomm dawn it-tliet Blue Flags filwaqt li jistinka ukoll biex aktar bajjiet f’Għawdex jiżdiedu ma din il-lista, kif fil-fatt hekk juri li ser jiġri bil-bajja tax-Xwejni.

“Dan is-simbolu jpoġġi fuqna aktar responsabiltà peress li l-Blue Flag tirrikjedi mingħand l-awtoritajiet lokali, managers u operaturi tal-bajjiet biex jilħqu standards għoljin fl-erba’ kategoriji ewlenin, b’hekk il-pubbliku jkun assigurat li qed igawdi l-bajjiet fl-aħjar ambjent possibbli,” kompla jgħid il-ministru.

Huwa stqarr li l-Blue Flag mhijiex sempliċiment bandiera iżda permezz ta’ dan l-iskrutinju qegħdin ikomplu jsaħħu lil Għawdex bħala gżira li toffri kwalità u eċċellenza lil dawk kollha li jżuruha.

Din is-sena, biex ikompli jissaħħaħ aktar l-element ta’ aċċessibilità f’dawn il-bajjiet imsemmija, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar investa f’erba’ amphibious chairs li se jkunu disponibbli kuljum bejn l-10am u l-5.30pm. Dan huwa servizz mingħajr ħlas għal min jixtieq jagħmel użu minnhom.  Qabel, dan is-servizz kien jingħata biss fil-bajja tar-Ramla però issa ġie estiż għal tliet bajjiet oħra.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport