Thursday, December 26, 2024

Swat, abbuż, ‘stalking’, vjolenza u theddid … il-martirju li għaddew minnu omm u erba’ wliedha

L-omm tixhed li li l-missier kien persuna maħmuġa u kienet għalhekk tevita r-relazzjonijiet intimi miegħu

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

‘Is-sitwazzjoni fid-dar kienet saret inkontrollabbli”. Is-swat, tgħajjir u theddid fuq l-omm mă waqafx. Kienet infurmatu li kienet se tmur tirrapporta iżda irtirat lura għax beżgħet u dan minħabba lir-raġel heddidha li joqtolha jekk tmur għand il-Pulizija. Il-missier ma kienx problematiku mal-omm biss imma anke ma’ uliedu, tant li kien jgħajjar lit-tfal li għandhom imorru jaħdmu flok jistudjaw.  Kien akkuża lil wieħed minn uliedu li jbati bl-Eczema li minħabba fih spiċċaw fi problemi finanzjarji. Minkejja li l-missier kellu xogħol fulltajm, part tajm u jbiegħ fil-festi, huma kienu jiklu ħobż u għaġin kuljum għax ma kienx jagħti biżżejjed flus lil martu. Spiċċaw f’estremità li kienu jibżgħu  meta missierhom imur id-dar u kif jasal kulħadd jitla’ ġo kamartu.  

Din hi s-sitwazzjoni li fiha kienet tgħix familja, fejn għal ammont ta’ żmien iż-żwieġ kien wieħed feliċi, sakemm bdew il-problemi li wasslu biex il-ħajja matrimonjali bejn il-partijiet ma baqgħetx aktar possibbli minħabba swat, abbuż, stalking, vjolenza, eċċessi, minaċċji, sevizzi, theddid u offiżi gravi. Il-missier ġie deskritt bħala bniedem kontrolluż u vjolenti fiżikament, emozzjonalment u finanzjarjament fil-konfront ta’ martu u anke vjolenti fil-konfront ta’ uliedu, tant li rrikorrew diversi drabi għall-għajnuna tal-Pulizija.

Bil-Qorti tiddikjara li l-missier trabba b’mentalità fejn ix-xogħol hu kollox u l-edukazzjoni hija irrelevanti, mentalità ferm differenti minn ta’ martu, qalet ukoll li l-missier ma jsibx problema jammetti li sabiex jgħajjex il-familja ma kienx iħallas it-taxxa u l-bolla mix-xogħol tal-bejgħ fil-festi.

Mis-sentenza tal-Qorti jirriżulta li l-partijiet kienu damu ħames snin għarajjes, imbagħad iżżewwġu fis-sena1995. Il-mara tgħid li għal bidu kienu ferħanin fiż-żwieġ u kienu iktar kuntenti meta kienet tqila bl-ewwel wild u ftit wara kienet reġgħet inqabdet tqila bit-tieni wild. Il-problemi bdew ftit ftit għax tul dan il-perjodu, ir-raġel kien wera li l-prijorità tiegħu kien ix-xogħol u kien jieħu lill-familja ‘forgranted’. Ma kienx jgħin lil mart meta kienet titolbu.  Minkejja li kienet impenjata sew bit-tfal, il-missier kien jippretendi li għandha tmur tgħinu jbiegħ fil-festi. Meta kellha it-tielet wild kienet ġabet il-liċenzja tas-sewqan iżda hu ma ridiex isuq u għamlet snin bil-liċenzja u ma ssuqx. 

Il-mara tiddikjara li r-raġel kien dominanti u ried li dejjem tgħaddi tiegħu u kien jaqbad jidgħi u jinsulentaha jekk kemm il-darba kienet tipprova tesprimi l-opinjoni tagħha. L-istess kien għamel meta ddeċieda li ried jarma b’bank u jbiegħ il-pasti u mingħajr ma kkonsultaha kien xtara l-magna u wara li opponiet peress li kienet qed taraha diffiċli li tkampa bit-tfal u tmexxi dan il-bank, hu kien kisser il-magna. Kellha ċċedi u kien wiegħdha li ladarba  tieħu ħsieb dan il-bank setgħet iżżomm il-flus għaliha, iżda dan qatt ma ġara għax wara li kienu jispiċċaw il-festi kien iżomm il-flus għalih. Hu kien jgħid li għandu l-ispejjeż xi jħallas. Kien biss iħalliha żżomm il-flus li kienu jaqilgħu fis-sajf. 

Il-mara fix-xhieda tagħha tgħid li l-missier ma tantx kien konsistenti f’xogħlu, għax apparti li kellu l-liċenzji biex ibiegħ fil-festi, kien biddel diversi impjiegi. Kien għalhekk li kien hemm ukoll perjodu iebes fejn ma kienx qed jaħdem u kienu jiddependu biss mill-bejgħ fil-festi li kienu jdurhom kollha. Meta kien jitla’ Sqallija u ma kienx ikollha biżżejjed flus kien jgħidilha biex tuża’ ċ-childrens allowance jew tieħu mill-karus tat-tfal. Kien iqajjimhom filgħodu biex iqattgħu l-ħaxix ħa jlestu għat-takeaway. Il-problemi komplew żdiedu meta l-missier kien beda joħroġ ta’ spiss u kien idum barra u qatt ma taha sodisfazzjon ta’ fejn kien ikun. Tgħid li s-sitwazzjoni d-dar kienet saret intollerabbli għax it-tgħajjir u theddid ma waqafx, iktar u iktar meta kienet qaltlu li kienet ser titlaq u tmur tirrappurtah. Reġa’ darilha għax beżgħet minnu peress li heddidha li joqtolha jekk tmur għand il-Pulizija. 

Ma setgħetx tibgħat lit-tfal 

attivitajiet extra kurrikulari

L-omm issemmi ukoll li għalkemm ippruvat tibgħat lit-tfal biex jagħmlu attivitajiet extra-kurrikulari ma rnexxilhiex peress li l-finanzi kienu limitati. Kienet tistinkalhom għall-iskola u minflok iħeġġiġhom missierhom kien jgħajjar lit-tfal li għandhom imorru jaħdmu mhux jistudjaw. Tant li kien jimbarazzahom man-nies li kienu moħħhom biex jistudjaw. Kienet tuża flus li kien jagħtiha missierha u ġieli t-tfal kienu jużaw flus li jkunu ġemmgħu. 

Ġara li fis-sena 2015, il-missier kien weġġa’ għajnejh u hu reġa’ spiċċa bla xogħol. L-omm kienet ippruvat taħdem bħala ħassiela iżda hu ma ridhiex tkompli. Kien f’dan iż-żmien li l-missier kien beda jagħmel ħafna dejn u ma jħallasx il-kontijiet. Meta l-omm rat li l-inkwiet beda jiżdied kienet marret għand counsellor u kienet anke talbet l-għajnuna ta’ qassis. Maż-żmien il-missier kien qatagħha minn kollox, kien jinsa meta jkollha għeluq sninha tagħha u anke l-anniversarji. Kien jidħol id-dar u jitla’ ‘l fuq. 

L-omm tixhed li li l-missier kien persuna maħmuġa u kienet għalhekk tevita r-relazzjonijiet intimi miegħu. Kien iżomm ikel skadut u jippretendi li għandhom jieklu minnu. Wara diversi inċidenti, il-missier kien ġie ordnat jiżgombra mid-dar konjugali. 

L-omm tgħid li l-missier qatt ma wera interess f’ħajjet it-tfal u lanqas fl- edukazzjoni taghhom. Kien jara l-istudju bħala ħela ta’ ħin u kien moħħu biss li iġiegħel lit-tfal jaħdmu. Jekk kienet toqgħod bil-qiegħda mat-tfal biex jagħmlu l-home work kien jidħak biha. Kien anke jakkuża lit-tifel  li kien ibati bl-eczema li minħabba fih kellhom problemi finanzjarji. 

Tixhed li l-missier ma kienx  konsistenti fl-aċċess għal bintu, partikolarment fix-xhur tas-sajf, fejn kien jarma iktar ta’ spiss. Minħabba f’hekk it-tifla kienet tkun iddispjaċuta għax kienet toqgħod tistennieh u ma kienx imur. Kien għalhekk li kienet irrappurtatu lill-Pulizija u għalkemm  kienet beżgħet, il-missier għamel żmien reġa’ beda jżomm mal-aċċess, iżda mhux għal ħafna.  Kien dejjem iċempel lit-tifel biex jipprometti xi ħaġa bħal ħwejjeġ tad-ditta jew li ser jeħodha l-Belt, iżda ma kien jiġri xejn minn dan. 

Minn naħa tiegħu l-missier jixhed li kien jipprova jżomm kemm seta’ mad-digriet iżda kemm il-darba kien jipprova jċempel lill-omm ħafna drabi ma kinitx tirrispondi. Jgħid ukoll li kien xtrara mowbajl lit-tifla biex jikkomunika magħha direttament, iżda kien għalxejn għax ħafna drabi ukoll ma kinitx tirrispondi. Kienet tirrispondi biss jekk kemm il-darba kien ikun hemm l-omm preżenti.  Jgħid anke meta jipprova jikkomunika mat-tfal l-oħra ħadd ma kien jirrispondih. Insista li meta ma setax imur għat-tifla kien jinforma lil omm minn qabel, iżda kien hemm ħafna drabi fejn it-tifla ma kinitx trid tmur.  Iddikjara li  ilu sena u nofs ma jara lill bintu fuq għażla tiegħu biex ma tħossx li qed tiġi użata minnu jew minn ommha. 

Wieħed mit-tfal fix-xhieda tiegħu jgħid li llum ma jkellimx lil missieru u dan wara l-mod kif trabbew. Jgħid li għalkemm kienu jmorru jgħinuh jarma fil-festi ma kienx iħallihom jieklu minn hemm filwaqt li kien ihalli lil ħaddiehor. Kienu jieklu ħobż u għaġin kuljum peress li ma kienx jagħti flus biżżejjed lil ommhom biex tixtri l-bżonnijiet ta’ kuljum.  Jgħid li kien iwaħħal ħafna fih ta’ spiss u kien anke dejjem jirrabja meta kienu jaslu l-kontijiet tad-dawl u ilma. Jgħid li missieru qatt ma kellu flus għalih kull meta kien jistaqsih. Ma kienx jinteressah li kien qed ikun ibbuljat l-iskola, tant li kienet l-omm biss li kienet marret l-iskola biex tieħu ħsieb. Jgħid li qatt ma kien jattendi għall-parents day jew attivitajiet l-iskola. 

Jiddikjara li missieru lanqas ried iħallaslu biex jagħmel ir-resits tal-O’levels għax kien jaħseb li l-iskola ma kinitx importanti. Ma kienx hemm finanzi biżżejjed ghaih biex imur il-privat. 

Jixhed ukoll li missieru kien ġiegħel lilu u lil ħuh  biex jixtru vann u kienu ħarġu xi €800 kull wieħed. Dan il-vann kien baqa’ jużah il-missier.  Jgħid ukoll li lanqas qatt ma ried iħallaslu għall-epipen (għal nut allergy) u kienet tħallsha l-omm sakemm beda jħallasha hu. Kien għajru ukoll li minħabba l-eczema kien ħela ħafna flus fuqu. 

Meta kienu imorru jaħdmu miegħu fis-sajf, ġieli kien jagħtihom €50, iżda ma kienx hemm ħafna drabi u kien anke talab lilu u lil ħuh ‘commission’. 

Bint il-partijiet fix-xhieda tagħha tgħid li l-misseri qatt m’attenda l-attivitajiet tal-iskola u dejjem bil-ġlied biex imur il-Griżma jew il-Preċett, għax il-priorità tiegħu dejjem kien ix-xogħol. Kien iħallihom b’qalbhom imtertqa sal-aħħar. 

Tgħid li lanqas kellu interess fl-iskola u ma kienx jappoġġjaha bl-ebda mod u ħafna drabi ma ħallasx għall-privatijiet tagħha u kienet titlob lil ommha u ġieli ħallset hi mill-flus li kellha mġemmgħin. Tgħid ukoll li l-ġenituri kienu jiġġieldu ukoll minħabba li l-missier ma kienx irid l-ikel li tkun sajret l-omm. Tgħid li missierha kien jgħidilhom li aħjar għax jeħles minnhom meta kienu jikkorreġuh fuq l-ikel minħabba li kellu dijabete. 

Jiddikjaraw li kienu waslu fl-estremità li kienu jibżgħu meta missierhom kien jiġi d-dar u kulħadd kien jitlaq ġo kamartu. Tikkonferma ukoll li kien xtralha pjanu li kien iqum il-flus, iżda l-għalliema kienet qaltlu li jekk jixtrilha electronic keyboard kien biżżejjed, iżda ma riedx, imbagħad peress li kien qed iħallas bin-nifs kien jibda jirrabja meta kien jasal iż-żmien li jrid iħallas. 

Tifel ieħor tal-koppja xehed li  m’għandux relazzjoni tajba ma’ missieru peress li dan dejjem kien iwaqqagħhom ‘l isfel u kien vjolenti magħhom. Kien iħabbat u jkisser l-affarijiet, kif ukoll kien jheddidhom. Kien anke keċċihom mid-dar kemm il-darba. Itenni ukoll li missierhom ma kienx jappoġġjahom għall-iskola. Spiċċa mar l-Mcast għamel kors tal-mekkanik. u xtaq ikompli kors ieħor iżda minħabba s-sitwazzjoni d-dar iddeċieda li ma jmurx. Ikkonferma ukoll li darba f’ġimgħa kienu jmorru ‘prayer group’ bħala familja u kien hemm xi darbtejn fejn marru rtir. Jgħid li hu u ħutu jaħdmu u jikkontribwixxu lil ommha għax ma tistax taħdem minħabba problemi li għandha f’daharha. Ikkonferma li  sabiex ilaħħqu kienet tmur taħsel għand in-nies. 

Il-qorti qalet li l-omm  tattribwixxi lill-missier l-ħtija tas-separazzjoni u dan minħabba sevizzi, eċċessi u ingurji gravi. L-ilmenti tagħha huma speċifikatament jirreferu għall-ossessjoni tiegħu għax-xogħol u li kien jagħtih priorità fuq il-familja, l-abbuż finanzjarju u l-atteġġjamenti tiegħu fil-konfront tagħha u tat-tfal li kienu nieqsa minn kull forma ta’ empatija. 

Dwar ix-xogħol, il-Qorti qalet li bl-ebda mod mhi qed tikkundanna l-missier li kien multi-tasking, fis-sens kellu l-impjieg tiegħu, kien jaħdem part-tajm ukoll u mbagħad, partikolarment fix-xhur tas-sajf kien ibiegħ fil-festi. Kien jarma ukoll f’kwalsiasi festa li kien ikun hemm. Intqal li dan in-negozju wirtu mill-famija tiegħu fejn dejjem ħadem ma’ missieru ibigh u kien beda jaħdem ta’ età żgħira. Għalhekk il-Qorti tifhem li trabba b’mentalità fejn ix-xogħol hu kollox u l-edukazzjoni hi irrelevanti, mentalità ferm differenti minn tal-omm. 

Il-Qorti qalet li l-missier ma jsibx problema jammetti li biex jgħajjex il-familja ma kienx iħallas it-taxxa u l-bolla mix-xogħol tal-bejgħ fil-festi. Kien jippretendi però li l-familja kollha tagħti l-kontribut tagħha, anke jekk it-tfal kellhom l-homework jew kellhom x’jistudjaw jew addirittura l-omm kienet tkun għajjiena wara ġurnata tieħu ħsieb it-tfal. Kien jippretendi li għandhom jieqfu minn dak li jkunu qed jagħmlu u jiddedikaw il-ħin tagħhom għax-xogħol. 

Il-Qorti iddeċidiet li l-missier għandu jħallas manteniment għall-
omm u għat-tifla minuri. Ordnat li l-passaport tal-minuri  jinżamm mill-omm u għandu jinħareġ mingħajr il-kunsens tal-missier. L-istess japplika fejn jirrigwarda s-safar tal-minuri, fejn dan għandu jseħħ  mingħajr il-kunsens tal-missier.  Il-Qorti laqgħet limitatament talba tal-omm u ordnat lil omm u  uliedha biex jibqgħu jgħixu fid-dar matrimonjali sakemm il-minuri  tagħlaq tmintax-il sena.

Ekonomija

Sport