Wednesday, April 24, 2024

Lejn sena oħra impenjattiva fil-qasam tad-diżabilità

Julia Farrugia Portelli, Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Aqra wkoll

Għadna kemm temmejna sena oħra ta’ ħidma sodisfaċenti b’risq il-persuni b’diżabilità. Illum qegħdin nibdew sena oħra ġdida, li apparti li se tkun waħda kontinwatorja fuq dak li għamilna tul is-sena 2022, għandna mħejjijin għal matulha diversi impenji bil-għan li nkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità.

Impenn ewlieni għal din is-sena ġdida huwa li nkomplu għaddejjin bit-twettiq tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità 2021-2030. Irridu, u se nkomplu, niċċelebraw l-abbiltajiet ta’ persuni b’diżabilita. Irridu nkomplu nagħmlu aktar bidliet.

Nemmnu bis-sħiħ li persuni b’diżabilità għandhom jingħataw kull għodda possibbli biex jgħixu ħajja indipendenti fil-kommunità. U għax nemmnu dan ninsabu kommessi li nimxu skont il-prinċipji ta’ Artiklu 19 tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità tal-Ġnus Magħquda, dawk li jippromwovu l-ħajja indipendenti. 

Għal din is-sena, is-sena 2023, se nkunu qegħdin ninvestu s-somma ta’ €4.6 miljun fuq il-kunċett ta’ Assistenti Personali biex aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom. Dan se jkun l-ewwel pass biex matul din is-sena tiġi ffinalizzata r-riforma tal-Assistenti Personali skont il-linji gwida tal-European Network for Independent Living.

Ninsabu kommessi li nkomplu nkunu ta’ xprun biex aktar persuni b’diżabilità jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Dak li wettaqna għal dan il-għan ta riżultat tajjeb. L-iskemi li nedejna kemm fir-rigward ta’ min iħaddem kif ukoll fir-rigward ta’ persuni b’diżabilità biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol servew u se jkomplu jservu biex jintlaħaq dan l-għan. Għan li jwassal mhux biss biex il-persuni b’diżabilità jikkontribwixxu dirett b’risq l-għajxien tagħhom imma aktar u aktar għax jgħinhom ikattru l-fiduċja fihom infushom. 

Nemmnu bis-sħiħ fil-kontribut li persuni b’diżabilità diġà qegħdin jagħtu fl-ekonomija u fis-soċjetà u se nkomplu ninvestu biex naraw aktar persuni b’diżabilità jużaw ħilithom biex jaqilgħu għixien ġust.

F’Settembru li għadda wettaqna wegħda elettorali ewlenija fis-settur tad-diżabilità, dik li jinħoloq programm ġdid li jħejji lil persuni b’diżabilità għad-dinja tax-xogħol. L-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru tagħna bdiet dan il-programm u issa jmiss li nkomplu nattwaw aktar mill-istrateġiji maħluqa għal setturi speċifiċi.

Se nkunu qegħdin naħdmu fuq ‘gap analysis’ li għandha tkun xprun għat-tranżizzjoni għall-impjieg u ż-żamma tal-impjiegi għaż-żgħażagħ u adulti bl-awtiżmu, ADHD, dislessiċi u disprassiċi f’setturi partikolari.

Se nkunu qegħdin ninvestu wkoll fir-riċerka flimkien ma’ istituzzjonijiet edukattivi, bħalma huma l-Università ta’ Malta u l-MCAST sabiex inħarsu aktar fid-dettall lejn l-oqsma tat-teknoloġija. Oqsma teknoloġiċi li jistgħu jkunu mezz ta’ integrazzjoni soċjali għal persuni b’diżabilità u dawk l-aktar viċin tagħhom.

Hemm diżabilitajiet severi li qegħdin iżommu lill-ġenituri ma’ wliedhom id-dar u bogħod mid-dinja tax-xogħol. Dan mhux isir b’kapriċċ. Matul din is-sena ġdida se nkunu qegħdin nattwaw wegħda elettorali oħra biex dawn il-ġenituri, li bħalissa qegħdin jieħdu €500 fis-sena jibdew jieħdu benefiċċju aktar għoli. Se nżidu gradwalment dan il-benefiċċju ta’ dawn il-carers. Meta din il-wegħda titwettaq fl-intier tagħha jibdew igawdu minn benefiċċju ta’ aktar minn €4,750 fis-sena, li jfisser ftit inqas minn €400 kull xahar.

Dawn huma biss ftit mill-miżuri li se nkunu qegħdin naħdmu fuqhom matul din is-sena ġdida b’risq dan is-settur partikolari. Ħidma bażata  fuq prinċipju sagrosant u ewlieni, dak li ħadd ma jitħalla jaqa’ lura. Li kulħadd huwa indaqs, fejn il-mira ewlenija hija l-inklużjoni.

Ġbir ta’ fondi għad-Dar tal-Providenza

Wara li nhar it-Tnejn li għadda l-poplu Malti u Għawdxi  kkontribwixxa aktar minn €5 miljuni b’risq il-Malta Community Chest Fund fl-attività annwali ta’ L-Istrina, illum qiegħed jintalab jerġa’ jkun ġeneruż fil-ġabra annwali b’risq id-Dar tal-Providenza.

Il-ħidma kbira, imma siekta, li timpenja ruħha għaliha d-Dar  tal-Providenza b’risq persuni b’diżabilità residenti għandha, hija għan mill-aktar nobbli. Ikun ferm sabiħ li llum l-poplu Malti u Għawdxi jerġa’ jqum għal din l-okkażjoni u jikkontribwixxi mill-qalb. 

Nieħu din l-okkażjoni biex nifraħ lil dawk kollha, fil-maġġoranza assoluta tagħhom volontieri, għal ħidmiethom b’risq missjoni daqshekk qaddisa bħal dik impenjata fiha d-Dar tal-Providenza. Grazzi lill-poplu Maltiu Għawdxi li llum se jerġa’ juri kemm hu poplu ġeneruż.

Sport