Saturday, December 21, 2024

“Ta’ kuljum irridu naħdmu biex nibqgħu nżommu l-fiduċja li l-poplu għoġbu jislifna”

− il-Prim Ministru

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela ddikjara li lil hinn mis-sondaġġi li jsiru, prinċipju wieħed jibqa’ konsistenti, dak li ta’ kuljum iridu jaħdmu biex jibqgħu jżommu l-fiduċja li l-poplu għoġbu jislifihom.

Meta kien qed jiġi intervista minn tliet ġurnalisti ta’ kmamar tal-aħbarijiet differenti fuq ONE TV, il-Prim Ministru qal li s-sondaġġi dejjem jagħtu stampa tal-mument. Qal li s-survey tal-MaltaToday jgħid ħaġa, iżda l-istħarriġ intern li għandu f’idu juri stampa totalment different.

Dr Abela tenna li fl-aħħar mill-aħħar hemm ġudizzju wieħed li ma jiżbalja qatt, li huwa l-ġudizzju tal-poplu li ġie espress fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali u forsi aktar importanti minn hekk, fl-elezzjoni ġenerali.

Huwa tenna li l-messaġġ tat-8 ta’ Ġunju kien wieħed li ħaduh b’mod ċar. Qal li l-poplu dakinhar qal li għandu fiduċja fil-Gvern, jemmen li l-Partit Laburista huwa dak il-moviment politiku li jista’ jmexxi lin-nies lejn l-aspirazzjonijiet tagħhom iżda jrid verżjoni aqwa tal-PL u tal-Gvern Laburista.

“Tlaqna minnufih għal għonq it-triq biex dak il-messaġġ inbiddluh f’azzjoni konkreta”, qal il-Prim Ministru. Semma kif it-tħassib ewlieni tal-poplu kien dwar l-inflazzjoni u qal li llum kien hemm sondaġġ ieħor mill-istess kamra tal-aħbarijiet li turi li dik il-preokkupazzjoni m’għadhiex fuq quddiem nett.

Qal li dan seħħ grazzi għall-intervent li għamel il-Gvern billi żamm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwils stabbli u l-iskema Stabbilta’ li ħaddieħor irredikolaha. Semma wkoll kwistjonijiet oħra li l-Gvern ħadem fuqhom fosthom it-traffiku, il-ħaddiema barranin, ir-riforma dwar it-temping agencies u anke l-miżuri li ttieħdu fir-rigward tal-ħaddiema tal-Y Plates u food couriers.

Quddiem dan kollu, il-Prim Ministru tenna li t-tema tal-umita’ tibqa’ konsistenti u marbuta mal-fiduċja li l-poplu silifhom. Dan jorbot ukoll mal-entużjażmu li għandhom. F’dawn l-aħħar ftit jiem, jidher ċar li l-PL reġa’ ħa ħajja totalment ġdida, anke l-istazzjon tal-partit. “Kulħadd għal għonq it-triq, ħafna ħidma biex nittrasformawha f’riżultati għal dan il-pajjiż.”

Ekonomija

Sport