Sunday, December 22, 2024

“Ta’ kuljum nibża’ li se jattakkawni”

Persuna trans li oriġinarjament hija mill-Punent tal-Irlanda

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Persuna hija dejjem persuna. Tgħix, tħobb, tidħak, tibki, taħdem u tesperjenza. Hija tad-demm u l-laħam, għandha l-emozzjonijiet, ix-xewqat u l-aspirazzjonijiet tagħha. Il-vjaġġ tal-ħajja mhuwiex ta’ kulħadd l-istess u hawn jidħol ir-rispett reċiproku u d-dritt li persuna tgħix il-mod kif tixtieq hija sakemm din ma tagħmilx ħsara lil ħaddieħor. Dan id-dritt, sfortunatament u inġustament, għal xi persuni huwa mċaħħad minħabba stigma, preġudizzji u diskriminazzjoni.

Fost dawn hemm il-persuni mill-komunità LGBTIQA+ li minnhom għandna lokalment. Minkejja l-attitudni u l-liġijiet progressivi li għandna, f’pajjiżna għad issib persuni LGBTIQA+ li jsofru theddid, abbuż u tgħajjir. Hekk qiegħed jiġri lil barranija trans li ilha tgħix Malta għal dawn l-aħħar tliet snin fejn qasmet ma’ Talk.mt il-kalvarju li tgħaddi minnu ta’ kuljum minħabba li tibża’ li se tiġi attakkata u jew redikolata. Dan kollu għax tidenditifika lilha nnifsha bħala mara.

“Hija sitwazzjoni tal-biża’ ħafna. Ta’ kuljum nistaqsi lili nnifsi u nibża’ li se jattakawni jew jirredikolawni minħabba f’hekk jew li sempliċiment iwarbuni n-nies li nħobb bħalma huma l-għeżież tiegħi, il-ħbieb, kif ukoll sieħeb jew sieħba li jista’ jkolli fil-futur”. Dan huwa l-kliem mimli niket li stqarret Marcelle, li għall-finijiet ta’ sigurtà espressi minnha stess, tajniha isem fittizju.

Hija li aċċettat taqsam magħna dak li għaddejja minnu u talbet l-anonimità minħabba li għalkemm f’pajjiżna l-komunità LGBTIQA+ hija rikonoxxuta u għandha d-drittijiet kollha, xi persuni hemm barra jagħżlu li jiġġudikaw u saħansitra, ikasbru, persuni bħal Marcelle. Dan kollu għax l-istess persuni jagħżlu li jgħixu ħajjithom bil-mod kif jixtiequ huma, il-mod biss li bih jistgħu verament jgħixu kuntenti.

“Kont nibki meta kien ikolli naqta’ xagħri”

Marcelle hija persuna trans ta’ 27 sena li oriġinarjament hija mill-Punent tal-Irlanda. Minn mindu kienet daqsxejn ta’ tifel kienet diġà bdiet tħossha li huwa aktar komdu u tidentifika lilha nnifsha aħjar mal-bniet aktar milli mas-subien.

Spjegat li, “minn dejjem kienu jikkumplimentawni għall-apparenza tiegħi u niftakar li kont anke nibki meta kien ikolli naqta’ xagħri. Minn dejjem ridt li jkolli xagħri twil”.

Hija qalet li kien biss meta bdiet l-iskola Sekondarja li bdiet tinnota aktar affarijiet u dan b’mod speċjali minħabba l-uniformi. Marcelle kienet tobgħod il-fatt li ta bilfors kellha tilbes tagħha u stqarret li “kont dejjem ngħir għall-bniet minħabba li huma kienu jilbsu dublett. Għal xi raġuni dejjem ħassejt li dan huwa aktar komdu u naturali”.

Din il-persuna trans trabbiet f’villaġġ żgħir u tradizzjonali ħafna fejn speċifikat li kienu komunità Kattolika. “Kont dejjem maħbuba ħafna u kuntenta. Qatt ma sofrejt ibbuljar jew affarijiet ta’ dan it-tip iżda tajjeb li ngħid li fl-ambjent li tlajt jien, ma kontx tara persuni trans jew oħrajn LGBTIQA+,” kompliet Marcelle.

Kienet tgħir għall-bniet għax riedet tkun bħalhom…

Hija qalet li personalment qatt ma identifikat ruħha bħala persuna gay għax qatt ma ħasset ġibda lejn is-subien. Konsegwenza ta’ dan dejjem ħassitha differenti mill-bqija. Spjegat li, “kont miġbuda lejn il-bniet iżda fl-istess ħin kont ngħir għalihom. Kont inħossni aktar f’sintonija mal-bniet fejn jidħlu interessi personali, il-mod kif nitkellmu, kif ninteraġġixxu man-nies, il-moda u l-mużika”.

F’dan il-vjaġġ mimli inċertezzi u mistoqsijiet, Marcelle stqarret li ma kinitx taf eżattament x’inhuwa jiġri jew għala qiegħda tħossha b’dan il-mod. Dan sakemm saret adoloxxenti fejn saret taf li hemm persuni trans bħalha. Qabel hija kienet daħlet f’moħħha li hija tifel eċċentriku li jixtieq li twieled tifla.

Maż-żmien Marcelle daħlet f’università u hawn tgħallmet ħafna aktar dwar il-ħajja hemm barra fejn anke vvjaġġat u fetħet għajnejha għall-fatt li teżisti anke komunità LGBTIQA+. “Bdejt nirrealizza kemm hemm nies fl-istess sitwazzjoni tiegħi li jagħmlu t-tranżizzjoni u jiġu sbieħ. Id-dehra ġdida tagħhom toħroġ dik il-mara moħbija li kellhom fihom. Hawn bdejt ngħir aktar u ta’ kuljum kibret ix-xewqa fija li nkun bħalhom. Dan minħabba li qatt ma stajt inkun verament kuntenta f’ħajti jekk ma nasalx li nagħmel il-pass li għamlu huma,” kompliet Marcelle.

Tgħix ta’ raġel… Il-familja u l-ħbieb ma jafux

Mistoqsija f’liema stadju hija fit-tranżizzjoni tagħha Marcelle qalet li bħalissa għadha tgħix ta’ raġel iżda bdiet il-proċess intimu li tifhem aktar lilha nnifsha, tara x’tixtieq u kif trid tidher bħala mara. Trid titgħallem kif tagħmel il-make up u anke tara liema tip ta’ ħwejjeġ tan-nisa l-aktar li jogħġbuha u tħossha komda fihom.
“Jekk ikun possibbli finanzjarjament nixtieq li din is-sena nibda t-trattament tal-ormoni u xi darba nagħmel l-operazzjoni kompluta biex insir mara,” spjegat Marcelle.

Din il-persuna trans qalet li s’issa għadha tibża’ taqsam dak li għaddejja minnu u ħadd ma jaf dwar dak li hija verament. Stqarret li, “ninkwieta li niddiżappunta lill-familja kollha tiegħi jew li nitlef lill-ħbieb, kif ukoll li jiddieħku bija u jwarbuni. Ili s-snin hekk u huwa proprju miegħek li qiegħed nipprova nagħmel l-ewwel pass li nitkellem dwarha”.

Marcelle żiedet tgħid li fl-istess ħin qiegħda tittama li tiltaqa’ ma’ persuni b’ideat liberali li jkunu diskreti biżżejjed biex jgħinuha ssir mara. Il-biża’ li tħoss hija reali u kontinwa u dan minħabba li la trid tweġġa’ lil tal-familja u l-ħbieb u lanqas trid li tkun vittma ta’ abbuż.

Diffiċli jsib partner… Nisa mod u rġiel mod ieħor

Stqarret li waħda mill-akbar diffikultajiet li tiffaċċja hija dik li ssib partner. Qalet li ħafna drabi meta tagħti ħjiel żgħir ta’ dak li hija verament, jirriżulta li jitilquha jew sempliċiment jistaqsuha ‘x’għandek ħażin?’. “Sfortunatament f’Malta n-nisa għandhom it-tendenza li jirreaġixxu b’dan il-mod u dan huwa aktar frekwenti minn dak li esperjenzajt barra,” kompliet b’nota ddiżappuntata dan il-persuna trans.

Min-naħa l-oħra, l-esperjenzi li kellha ma’ rġiel lokalment ukoll m’huma xejn sbieħ. Dan minħabba li, “dawn jew jattakkawni jew inkella immedjatament jitrattawni bħal xi tip ta’ oġġett aktar milli bħala bniedma”.

Wara li qaltilna dan kollu, b’ħarsa miksura tenniet li, “allura dan kollu jagħmel it-tranżizzjoni u ħajti diffiċli ferm minħabba ħafna inċertezzi u dubji. Irrid nammenti però li l-fatt li qiegħda nitkellem ma’ persuni li ma nafx, qiegħda nsib wens bi kliem ta’ kuraġġ. Hemm persuni li verament iridu jgħinuni, anke jekk b’affarijiet żgħar”.

Messaġġ lill-persuni trans: Iddumux tistennew!

Il-messaġġ ta’ Marcelle għall-persuni trans bħalha li għadhom moħbija fil-qoxra tagħhom huwa biex ma jdumux jistennew is-snin bħalma għamlet hija. Mentri, għall-pubbliku inġenerali, hija appellat biex ikun aktar b’ideat progressivi u biex nirrealizzaw li dan l-istil ta’ ħajja u t-tranżizzjoni għal persuni trans tfisser il-kuntentizza. Tixtieq ukoll li jispiċċaw kemm l-istigma, kif ukoll il-preġudizzju u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-persuni transesswali.

Ftit jiem wara li kellmitna, Marcelle għarrfitna li riċentement kienet vittma ta’ stalking u theddid b’konsegwenza li anke kellha tbiddel in-numru tat-telefon u tneħħi l-kontijiet tagħha minn fuq il-midja soċjali. Spjegatilna li “għax dawn huma t-tip ta’ nies li rrid niffaċċja jiena”.

Iva, dan juri kemm, sfortunament, hemm persuni hemm barra li jagħżlu jagħmlu l-ħsara lil persuni oħra għax sempliċiment dawn huma “differenti” u għax sempliċiment jipprovaw jgħixu ħajjithom kif jixtiequ. Nittamaw li dan ma jibqax isir għax fl-aħħar mill-aħħar ikoll kemm aħna umani.

Nemmnu wkoll li, jekk hemm bżonn, tiżdied il-ħidma fuq livell nazzjonali għal edukazzjoni u għarfien, kif ukoll infurzar effettiv f’każijiet ta’ abbużi bħal dawk li għaddejja minnu Marcelle. B’hekk biss nassiguraw li l-komunità LGBTIQA+ tkun verament rispettata u li tista’ tgħix fil-kwiet fis-soċjetà tagħna.

Ekonomija

Sport