Saturday, March 7, 2026

Ta’ sentejn kellha kanċer … issa għandha 14 -il sena u qed tistudja għal tabib

Aqra wkoll

Dawn huma ritratti ta’ Nicole ta’ sentejn u issa ta’ 14-il sena! Meta kellha sentejn Nicole affaċċjat battalja iebsa ħafna. Kellha kanċer li nstab fi stadju 4 fil-kliewi. Nicole affaċjat xhur iebsa ta’ kimoterapija, radjazzjoni u kirurġija. Bis-saħħa tad-dedikazzjoni tat-tobba u l-infermiera u l-appoġġ li tawha, Nicole bil-mod il-mod bdiet titjieb.

Nicole qattgħet sena fir-Rainbow Ward. Hemmhekk iltaqgħet ma’ nies li għenuha fl-iktar mumenti mudlama. Infermiera, Tobba, Angele, Rennie u t-tim kollu ta’ Puttinu Cares. Fl-iktar jiem diffiċli tat-trattament sabu modi kif iġibu lil Nicole u lill-familja tagħha jitbissmu. Tawhom tama u saħħa.

Dan kien il-messaġġ li twassal fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Puttinu Cares, hekk kif bħalissa għaddejin diversi preparamenti sabiex tittella’ l-maratona fil-Ġimgħa l-Kbira. Ingħad li llum Nicole għandha 14-il sena.

Hija qed tiffoka fuq l-iskola u qed taħdem ħafna lejn il-ħolma tagħha li xi darba ssir tabiba, ispirata mit-tabib maħbub Dr. Calvagna, li kellu rwol tant importanti matul il-ġlieda tagħha u taha kull għajnuna meħtieġ u ċ-ċans li tkompli toħlom.

Nicole sabet imħabba għall-isports. L-isprinting iġegħelha tħossha b’saħħitha, ħielsa u determinata. Ifakkarha kuljum kemm waslet ’il bogħod.
Nicole u l-familja tagħha għadhom grati ħafna lejn Puttinu Cares. Puttinu kien ta’ għajnuna għal familja ta’ Nicole matul dawn iż-żminijiet.

Dan il-Ġimgħa l-Kbira, waqt il-Maratona ta’ Puttinu Cares, Nicole se tkun hemm twieġeb it-telefonati tagħkom. Il-maratona tkompli tiġbor fondi għall-appartamenti l-ġodda fiċ-ċentru ta’ Londra, li jipprovdu lill-pazjenti Maltin u lill-familji tagħhom post fejn joqogħdu waqt li jirċievu kura barra minn Malta.

Jekk jogħġobkom agħtu sapport lil Puttinu u agħtu donazzjoni. Il-ġenerożità tagħkom tkompli tagħti tama lil tant familji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport