Dalgħodu, fil-Knisja Arċipretali taż-Żebbuġ Għawdex ingħata l-aħħar tislima l-Prof Edwin Grech – missier Karin li kienet inqatlet b’ittra bomba.
Il-Prim Konċelebrant, l-Arċipriet Dun Ġwann Sultana fl-omelija tiegħu qal li l-Prof Edwin Grech ta tagħlima lill-umanità permezz tal-mod kif għex ħajtu. Dun Ġwann qal li Grech ta’ ħajtu biex jgħin lil oħrajn fosthom bil-professjoni tiegħu ta’ tabib.
Fl-omelija ma setax jonqos li l-Arċipriet isemmi l-martirju li għaddiet minnu l-familja Grech hekk kif għal 45 sena sħaħ kienu qegħdin jibku t-telfa ta’ binthom. Dun Ġwann qal li l-Prof Grech flimkien ma’ familtu baqgħu sodi biex iservu lin-nies u baqgħu jħobbu lill-komunità iktar minn qatt qabel
L-Arċipriet taż-Żebbuġ qal li llum il-ġurnata għadna bżonn nies li jservu bħal Edwin li ma kienx ifittex il-mibgħeda u l-poter, iżda dejjem fittex li jkun ta’ servizz lejn is-soċjetà.
Għal dawn l-aħħar snin Prof Grech kien jgħix f’Għawdex f’appartament sakemm saħtu baqgħet sejra lura u kellu jittieħed fir-residenza tal-anzjani San Lawrenz. Kienet xewqa tiegħu li l-funeral isir fil-Parroċċa li qatta l-aħħar snin ta’ ħajtu fiha – il-Parroċċa ta’ Santa Marija taż-Żebbuġ.