Snin ilu, meta ħafna pajjiżi Ewropej, fosthom Malta, kienu b’liġi waqqfu t-tipjip f’imkejjen publiċi magħluqa (bars, restoranti…), Franza kienet għadha tippermettihom. Illum tinsab fuq quddiem nett biex wara li kienet neħħietu bħal ħaddieħor minn postijiet magħluqa, issa tifrex il-projbizzjoni lejn imkejjen publiċi fil-miftuħ (pjazzez, xtajtiet…), kif għadu mhux il-każ f’Malta u pajjiżi oħra.
F’dan Franza qed tagħmel tajjeb, anke jekk dawk li jpejpu żgur ma jaqblux. Filfatt, in-numru tagħhom baqa’ jonqos fl-aħħar snin, li żgur hu suċċess tal-kampanji għall-ħarsien tas-saħħa publika dwar l-użu tat-tabakk li nżammu. Bla dubju servew biex tnaqqset l-inċidenza tal-kanċer ikkawżat mit-tipjip fost żgħażagħ u anzjani. Ikun tajjeb jekk il-pass li għadha kemm ħadet Franza iservi ta’ eżempju għal ħaddieħor.
Problema waħda kbira jibqa’ li quddiem is-suċċess miksub fil-battalja kontra t-tabakk, l-użu ta’ drogi ta’ kull tip kiber sew (biex wieħed ma jgħidx sploda) mal-Ewropa kollha, inkluża Malta.
IL-PIŻ TAS-SĦANA
Ma nafx hux tassew li tista’ tgħid li hemm pajjiżi li qed isofru aktar minn pajjiżi oħra mill-effetti tat-tisħin fil-klima. Imma kif se jitkejlu dawn l-effetti pajjiż pajjiż? Ftit għadhom jikkontestaw li dat-tisħin qed jiġri. L-argument dar li dat-tisħin, jekk qed jiġri, mhu xejn ta’ barraminnhawn. Igħaddi jew jindara bħal ma ġara b’bidliet globali oħra, naturali jew immexxija mill-bniedem.
Jeżisti numru ta’ modi kif l-effetti tat-tisħin jistgħu jiġu stmati, mhux f’termini “organiċi”, “naturali” biss imma wkoll f’termini finanzjarji, umani (bħal saħħa, natalità…), soċjali (impjiegi, abitazzjoni…) Minn dawn il-modi, wieħed jista’ javvanza forsi għal kejl uniku ta’ kemm kull pajjiż qed jintlaqat fir-realtà. Ma jidhirlix li wasalna sa hawn sa issa b’mod li jkopri l-pajjiżi kollha bl-istess miżura fil-kejl tal-effetti.
ĦARSIEN TAL-ANNIMALI
Waqt li l-kuxjenza favur id-drittijiet tal-annimali u r-rispett lejhom żdiedu matul is-snin, baqa’ ħafna xi jsir. Minkejja x’tgħid il-liġi, l-fehma għadha wisq qawwija li annimal mhux tant aħjar minn oġġett, li ma jħossx il-moħqrija, aktar u aktar jekk il-bniedem jieħu gost iwettaqha fuqu. Qawwija wkoll għadha l-idea li annimal, għax hu oġġett, tista’ twaddbu lil hemm meta ma jkollox aktar “bżonnu”. Aħbarijiet riċenti dwar torturi atroċi u qtil ta’ qtates li jiġru fit-toroq xeħtu dawl qawwi fuq dil-problema.
Qed isir tajjeb li l-awtoritajiet jagħtu dejjem aktar importanza lill-programmi ta’ ħarsien tal-annimali u li jdaħħlu regolamentazzjoni professjonali ta’ dawk li jindokrawhom u jħarsuhom (veterinarji, tekniċi veterinarji u l-bqija). Fejn baqa’ ħafna xi jsir, bħas-soltu, hu fil-qasam tal-infurzar serju ta’ liġijiet u regolamenti.