Qrib id-daħla tal-Forti Sant’Anġlu, tpoġġiet tabella li tipponta lejn Galicia fi Spanja, biex tindika l-aħħar waqfa lokali tul il-Camino Maltés qabel wieħed jissokta lejn Sqallija.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fakkar li f’Jannar li għadda tħabbar li Malta kienet ġiet miżjuda mal-lista ta’ postijiet minn fejn wieħed jista’ jibda l-Camino de Santiago, rotta ta’ pellegrinaġġ li tista’ tinbeda minn punti ta’ tluq differenti f’għadd ta’ pajjiżi Ewropej.
“Grazzi għall-inizjattiva ta’ diversi entitajiet, fosthom Heritage Malta, pajjiżna issa huwa wieħed minn dawn il-punti ta’ tluq, b’rotta msejħa Camino Maltés, li hija twila mat-3,600 kilometru u li tinkludi wkoll lil Sqallija, Sardinja u Barċellona,” qal il-Ministru Bonnici.
Il-parti tal-mixja li ssir f’Malta stess hija twila madwar 35 kilometru. Tibda mill-Grotta ta’ San Pawl fir-Rabat, tinżel lejn iż-Żejtun, tibqa’ sejra sal-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu u fl-aħħar taqsam il-port lejn il-Belt Valletta, minn fejn il-pellegrini jitilqu bil-baħar lejn Sqallija. ’Il fuq minn 300 persuna minn aktar minn 15-il pajjiż imxew il-Camino Maltés fl-ewwel ftit xhur wara li tnediet ir-rotta Maltija.
Il-Forti Sant’Anġlu ntgħażel bħala l-post fejn titqiegħed it-tabella għal diversi raġunijiet, fosthom ir-rabtiet tiegħu mal-Kavallieri ta’ San Ġwann, is-servizz u r-raison d’être tal-Ordni stess, ir-rotot marittimi, il-qagħda tal-Forti fil-Port il-Kbir, ir-rabta tiegħu mal-Birgu, mat-Tlett Ibliet u mal-Belt Valletta, kif ukoll il-pellegrinaġġi lokali u dak li jirrappreżentaw.
L-inizjattiva tal-Camino Maltés, immexxija mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ permezz tal-Ambaxxata ta’ Malta fi Spanja, hija sforz kollaborattiv li jinkludi lil Heritage Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, u Xircammini, li hija l-assoċjazzjoni uffiċjali Maltija li tirrappreżenta lill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Assoċjazzjonijiet tal-Ħbieb tal-Camino de Santiago.
Matul l-attività attendew Daniel Azzopardi, l-Ambaxxatur tar-Repubblika ta’ Malta għar-Renju ta’ Spanja; Jose Maria Muriel Palomino, l-Ambaxxatur tar-Renju ta’ Spanja għar-Repubblika ta’ Malta, Gabriel Baltar, il-Konslu Onorarju ta’ Malta għar-reġjun awtonomu ta’ Galicia, Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, u Carlo Micallef, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu.a