Saturday, May 4, 2024

Tabib jixhed li l-pitbulls kienu ħallew l-anzjana b’wiċċha sfigurat

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Maġistrati semgħet dwar il-ġrieħi li sofriet anzjana wara li ġiet attakkata minn żewġt iklieb tar-razza pitbull tan-neputi tagħha fir-residenza tagħha. 

Inez Galea ta’ 95 sena spiċċat biex mietet kawża ta’ dawn il-ġrieħi. L-inċident seħħ f’Settembru tal-2020 fl-Imsida, b’Andre Galea jinsab mixli bi qtil involontarju.

L-Ispettur Colin Sheldon spjega quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia kif il-pulizija kienu ġew imsejħa minn ġar maħsub li sema’ l-għajjat tal-vittma.

Wara li ttieħdu mill-awtoritajiet, il-klieb kienu weġġgħu wkoll lil żewġ ħaddiema tal-Animal Welfare. Dawn l-annimali perikolużi eventwalment kellhom jitraqqdu. Il-kelb tal-vittma, tar-razza Chihuahua, kellu wkoll jitraqqad minħabba l-ġrieħi kkawżati mill-pitbulls.

“Il-vittma kienet in-nanna tal-imputat. Hija kellha proprjetà u kienet għaddiet il-proprjetà tal-bieb li tmiss magħha lil Galea. Kien jgħidilha biex ma tiftaħx il-bieb tal-bitħa,” qal l-Ispettur Sheldon. “Huwa kien jieħu ħsiebha imma nnotajna li ma kellhiex elettriku.”

Fil-Qorti ntqal li wara l-inċident fatali, Galea reġa’ ħa d-dar xi wħud mill-klieb tiegħu. “Huwa kien ħadha bi kbira fuq dan l-inċident,” qal l-Ispettur. 

Intant, il-Maġistrat Farrugia sema’ wkoll ix-xhieda tat-tabib Alec Scerri li qal li huwa daħal fil-proprjetà wara l-Maġistrat. “Kien hemm ħafna dmija mal-art. Rajt lill-vittma f’għadira demm fil-bitħa, wiċċha ‘l isfel. Parti minn wiċċha kien sfigurat. Ma kien hemm l-ebda sinjal ta’ ħajja. Parti min-naħa ta’ isfel ta’ sieqha kienet ukoll nieqsa,” qal ix-xhud li ċċertifika lill-anzjana mejta fuq il-post.

Il-każ ikompli f’Novembru.

L-Avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Galea.

Sport