Wednesday, April 24, 2024

Musical pożittiv favur is-saħħa mentali

Mario Azzopardi
Mario Azzopardi
Kritiku tal-Films

Aqra wkoll

Għar-raba’ ġimgħa konsekuttiva, “Shang-Chi and the Legend of the Ten Rings” baqa’ l-film li ġibed nies l-aktar fil-box office Amerikana.  Madankollu, l-aħbar ewlenija kienet li bid-dħul li kellu f’dawn l-aħħar jiem, “Shang-Chi” sar il-film bl-akbar dħul sa issa fil-box office Amerikana tal-2021 meta ssupera d-dħul ta’ “Black Widow”.

Il-musical “Dear Evan Hansen” iddebutta fit-tieni post b’dħul ta’ $7.5 miljun, li kważi hu n-nofs tad-dħul ta’ tlitt ijiem li kellu “Shang-Chi”.  “Dear Evan Hansen” li nħadem b’budġit ta’ $28 miljun mar aħjar minn “Cats” fl-opening weekend.  “Cats” kien sewa $100 miljun biex inħadem u fl-ewwel tlitt ijiem kellu dħul ta’ $6.5 miljun u meta konna għadna anqas dħalna fil-perjodu tal-pandemija.

Fit-tliet postijiet l-oħra tal-box office Amerikana nsibu: “free Guy”, “Candyman” u fil-ħames post “Cry Macho” in-neo-western ġdid ta’ Clint Eastwood.

Dear Evan Hansen

Dan hu musical drammatiku li bħala film, kellu d-debutt tiegħu fit-Toronto Film Festival aktar kmieni dan ix-xahar.  Oriġinarjament inkiteb għal fuq il-palk.  Iddebutta f’Broadway fil-Milied tal-2016 u l-play rebħet 6 Tony Awards.

Il-musical inkiteb minn Steven Levenson, Benj Pasek u Justin Paul.  Il-film inħadem taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Chobsky.

Fil-parti ta’ Evan Hansen jidher Ben Platt, iben il-producer tal-films Marc Platt

Evan Hansen, ikun student fil-high school li jkollu social anxiety disorder severa.  Darba huwa jikteb ittra lilu nnifsu bħala parti mit-terapija.  

L-ittra kienet intenzjonata li ma jarha ħadd imma l-ittra taqa’ f’idejn il-kollega tiegħu Connor Murphy (Colton Ryan).  Ftit wara, Connor iwettaq suwiċidju.  Bil-ġenituri ta’ Connor mnikkta u ma jistgħux jifmhu għala binhom għamel hekk, jaħsbu li dik l-ittra kien kitibha binhom biex jagħtiha lil Evan Hansen.  “Connor didn’t write this”, Evan jipprova jispjegalhom, imma huma jinsistu li jinterpritaw dik in-nota bħala l-aħħar ħsibijiet ta’ binhom Connor. 

In-narrattiva ta’ “Dear Evan Hansen” (Universal Pictures) twassal għall-punt pożittiv li dan l-inċident iservi biex Evan jibda vjaġġ biex jiskopri lilu nnifsu u sabiex finalment jiġi aċċettat minn sħabu l-istudenti – ħaġa li twasslu biex iduq is-sabiħ tal-ħajja li qatt ma kien esperjenza qabel. 

Ipparagunat mal-musical fuq il-palk, hemm numru ta’ tibdiliet u anke ġew miżjuda żewġ numri mużikali.  Waħda mill-karattri li fil-film hi żviluppati aħjar hi dak ta’ Alana (Amandla Stenberg) li hi fl-istess klassi ma’ Evan u li għandha problemi mentali simili bħal dawk ta’ Evan.  Tkun Alana li tipproponi dak li issejjaħlu ‘The Connor Project’ intenzjonat li l-memorja ta’ sħabhom l-istudent Connor tibqa’ ħajja. Meta l-istudenti jitlaqgħu biex isellmu lil Connor, id-diskors ta’ Evan jitqies bħala wieħed indirizzat biex jagħti tama lil kull min ibati minn xi kundizzjoni mentali u depressjoni.  Dan id-diskors jinfirex fuq il-midja soċjali.  Zoe (Kaitlyn Dever) tkun waħda minn dawk li tħossha ferm aħjar b’dan id-diskors u filwaqt li tirringrazzja lil Evan, tinbeda relazzjoni bejniethom.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 12A (persuni taħt it-12-il sena jridu jkunu akkumpanjati minn adult) minħabba t-tema tal-film tinvolvi suwiċidju, hemm ftit kliem mhux xieraq u referenza qosra li huma evokattivi.

The Stronghold

Fis-sezzjoni mhux kompetittiva tal-festival ta’ Cannes ta’ din is-sena, intwera thriller Franċiż  li ħalla impressjoni mal-kritiċi u mal-pubbliku, tant li issa hu disponibbli fuq pjattaforma diġitali u hu dubbed bl-Ingliż.  Qegħdin nirrferu għal “The Stronghold”.  L-isem oriġinali hu “BAC Nord”. 

Maħdum taħt id-direzzjoni ta’ Cédric Jimenez, in-narrattiva hi bbażata fuq ġrajja vera li seħħet fl-2012 f’Marsilja.  Niltaqgħu ma’ tliet pulizija, Greg (Gilles Lellouche) li jmexxi lil sħabu, Yass (Karim Leklou) li għandu lill-martu Nora qed tistenna tarbija, u Antoine (Francois Civil) li jgħix ħajja rilassata.  Il-ħbiberija bejn dawn it-tlieta hi żviluppata b’mod tajjeb fl-ewwel parti tal-film u hi l-qofol ta’ kollox lejn l-aħħar.

Iffrustrati li mhux qed isibu tarf tat-traffikar tad-droga minkejja l-qabdiet li jagħmlu, Greg jipprova jikkonvinċi lis-superjur tiegħu biex ikunu aktar aggressivi fl-isforzi tagħhom, anke jekk jgħawwġu xi regoli.

Antoine ikun wieħed li spiss jakkwista informazzjoni minn taħt mingħand waħda jisimha Amel (Kenza Fortas).  Din il-mara tkun lesta’ li tatih ħjiel li twassalhom għall-barunijiet tad-droga jekk jagħtiha 5 kg ta’ reżina tal-kannabis. Is-superjur tagħhom ma jkunx jaqbel imma lest li jagħlaq għajn waħda li jwarrbu il-qabdiet żgħar tal-kannabis sakemm ikollhom l-ammont mitlub minn Amel.

Ir-rejd il-kbir isir u jkun suċċess u wieħed jistenna li l-film jagħlaq hemmhekk.  Imma l-istorja ma tieqafx hemm.  Il-ħjiel ċar hu fil-bidu tal-film, għax jibda b’Greg ikun il-ħabs.

“The Stronghold” (Netflix) hu interessanti għax hu crime film mingħajr il-villain tradizzjonali.  L-arresti li saru f’Marsilja fl-2012 kienu taw bidu għal dibattitu mqanqal dwar kemm il-pulizija għandhom ikollhom id-dritt li jagħwġu r-regoli biex jipproteġu liċ-ċittadini.

Gwida għal min ser jarah: ikklassifikat 15 (persuni għal fuq minn 15-il sena) għax fih kliem mhux xieraq, vjolenza mdemmija u użu tad-droga.

Sport