Friday, April 19, 2024

Il-Bank Ċentrali jippubblika l-Aġġornament Ekonomiku għax-xahar ta’ Settembru

Aqra wkoll

L-aġġornament ekonomiku mill-Bank Ċentrali għax-xahar ta’ Settembru juri li l-livell ta’ attività ekonomika aggregata baqa’ taħt il-livelli osservati qabel il-pandemija. Madankollu, f’Awwissu li għadda, l-Indiċi dwar il-Kundizzjonijiet tan-Negozju baqa’ pożittiv, hekk kif indikaturi makroekonomiċi komplew jirkupraw mil-livelli baxxi ħafna li ġew osservati fl-2020.

L-istħarriġ dwar il-fiduċja tal-Kummissjoni Ewropea juri li s-sentiment tjieb f’Awwissu meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, waqt li baqa’ ferm ogħla mil-livell tiegħu sena qabel u mill-medja storika. Meta mqabbel ma’ Lulju, il-fiduċja żdiedet fis-setturi kollha minbarra fis-servizzi.

L-istima tal-Bank tal-Indiċi tar-Rispons tal-Gvern għall-COVID-19 – indikatur li jiġbor diversi miżuri ta’ trażżin, miżuri ekonomiċi u dawk relatati mas-saħħa li daħlu fis-seħħ b’reazzjoni għall-pandemija – naqset mil-livell tax-xahar ta’ qabel u kienet marġinalment taħt l-istima li kienet irrappurtata fiż-żona tal-euro. 

Fl-istess xahar t’Awwissu, il-permessi għal bini kummerċjali u residenzjali żdiedu fuq il-livell tas-sena l-oħra. L-għadd ta’ kuntratti ta’ bejgħ għal proprjetà residenzjali żdied ukoll fuq bażi annwali. Madankollu, in-numru ta’ konvenji naqas.

F’Lulju, il-produzzjoni industrijali żdiedet b’rata annwali inqas mgħaġġla meta mqabbla ma’ dik ta’ xahar qabel. Madankollu, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b’rata aktar mgħaġġla. 

L-għadd ta’ persuni qiegħda rreġistrati naqas, kemm meta mqabbel ma’ dak ta’ Ġunju, kif ukoll meta mqabbel ma’ sena qabel. Ir-rata tal-qgħad naqset għal 3.3% f’Lulju, marġinalment taħt il‑ livell ta’ qabel il-pandemija.

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP)  kienet fil-livell ta’ 0.3% f’Lulju, marġinalment ogħla mir-rata ta’ 0.2% f’Ġunju, filwaqt li l-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut telgħet għal 1.8% minn 1.5% xahar qabel. 

L-Aġġornament Ekonomiku jinkludi wkoll dettalji dwar rikors għall-moratorju fuq ħlasijiet lura ta’ self offrut minn istituzzjonijiet domestiċi ta’ kreditu lil residenti ta’ Malta b’reazzjoni għall-COVID-19. Il-valur tas-self lil familji u kumpaniji li kien soġġett għal moratorju sal-aħħar ta’ Lulju kompla jonqos, għal €79.9 miljun, ekwivalenti għal 0.7% biss tas-self pendenti lil dawn is-setturi. Dan jirrifletti rkupru fid-dħul u l-iskadenza tal-perjodu tal-moratorji għal ċerti benefiċjarji. 

Sal-aħħar ta’ Lulju 2021, 617-il faċilità għal skopijiet ta’ kapital tax-xogħol u ta’ ħlas lura tas-self kienu ngħataw lin-negozji milquta mill-pandemija taħt il-Malta Development Bank COVID-19 Guarantee Scheme, li jikkorrispondi għal ammonti totali sanzjonati ta’ €471.8 miljun, jew 60.7% tal-mira tal-iskema.

Sport