Thursday, April 18, 2024

Skandlu kbir ġewwa l-Kanada: Eluf ta’ oqbra misjuba ġewwa l-iskejjel

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Li kieku ma kinitx għal sensiela ta’ mistoqsijiet li għamlu xi ġurnalisti lil Justin Trudeau, il-Prim Ministru Kanadiż, waqt il-kampanja elettorali li għadha kemm intemmet, skandlu ta’ dimensjonjiet astronomiċi kien jibqa’ maqbud fl-isfera tal-politika lokali Kanadiża. 

F’dawn l-aħħar ġimgħat, ir-reazzjoni għal dan iskandlu kbir rat eskalazzjoni notevoli, bi protesti minn minoranzi Kanadiżi li waslu sabiex tkissru xi statwi tar-Reġina Vittorja u tar-Reġina Eliżabetta. 

Dan l-iskandlu li ħammar wiċċ il-politiċi Kanadiżi u mhux biss, jirrigwarda s-sejba ta’ aktar minn elf qabar ta’ tfal tal-Aboriġini Kanadiżi, jew kif iħobbu jirreferu għalihom bħala l-Indjani nattivi Kanadiżi, f’hekk l-imsejħa skejjel residenzjali. 

Ħafna minn dawn il-katavri għadhom mhumiex identifikati għaliex ma kien hemm l-ebda forma ta’ identifikazzjoni fuq dawn l-oqbra. Anzi, dawn instabu permezz ta’ tagħmir sofistikat li jiskenja l-għelieqi għall-preżenza ta’ għadam. 

Dan l-eżerċizzju ta’ tfittxijja ra l-bidu tiegħu wara x-xhieda li qegħdin jagħtu ħafna mill-eks studenti ta’ dawn l-iskejjel. Dawn it-testimonjanzi huma litteralment stejjer tal-biża’ li jħalluk mingħajr kliem.

L-iskejjel residenzjali

Dawn l-iskejjel residenzjali huma istituzzjonijiet li fihom l-istudenti apparti li jieħdu l-edukazzjoni akkademika tagħhom, ikunu qegħdin jgħixu fihom jew sabiex niftehmu aħjar, dawk li l-Ingliżi jirreferu għalihom bħala ‘boarding schools’.

Ġewwa l-Kanada, dawn il-boarding schools kienu mifruxa mat-territorju Kanadiż kollu. Minnhom, b’kollox kien kien hemm madwar 70 u kienu raw il-bidu tagħhom lejn l-aħħar kwart tas-seklu dsatax. Dawn kienu ġew imwaqqfa mill-gvern Kanadiż li kien ukoll jieħu ħsieb il-finanzjament tagħhom. 

L-amministrazzjoni tagħhom kien ġiet fdata f’idejn l-Knisja Kattolika li kienet tibgħat numru ta’ qassisin u sorijiet sabiex imexxuhom kif ukoll f’idejn knejjes oħrajn, fosthom dawn Protestanti. Il-maġġoranza assoluta tagħhom, madwar 70%, kienu f’idejn il-Kattoliċi. L-aħħar skola residenzjali kienet dik ta’ Saskatchewan, li ngħalqet fl-1996.

Għodda għal ġenoċidju kulturali

Lejn nofs is-seklu dsatax, il-gvern kolonjali Kanadiż kien qiegħed jippjana gwerra kontra l-Indjani nattivi Kanadiżi. Dan għaliex, ġustament dawn kellhom f’idejhom l-aqwa xmajjar li kienu jirrendu l-aqwa ħut, kif ukoll is-siti li fihom kien hemm il-maġġoranza tar-riżorsi naturali Kanadiżi. 

Però, minflok milli jiġġieled gwerra, il-gvern kollonjali Kanadiż kien iddeċieda li jibda kampanja li permezz tagħha jeqred kompletament il-kultura Indjana ġewwa l-Kanada. Sabiex jagħmlu dan, dawn il-politikanti kienu ddeċidew li jifirdu lit-tfal Indjani minn mal-familji tagħhom u jaqfluhom ġewwa dawn l-iskejjel, mingħajr l-ebda kuntatt mal-qraba tagħhom. 

Jingħad li dan l-eżerċizzju nfami kien wassal sabiex kważi mitejn elf tifel u tifla, uħud minnhom ta’ mhux aktar minn erba’ snin, jittieħdu mingħand il-familji tagħhom. Ma kinitx l-ewwel darba li dawn it-tfal ġew litteralment issekwestrati minn qassisin u mill-forzi tal-ordni sabiex ittieħdu ġewwa dawn l-iskejjel, bil-genituri tagħhom lanqas biss ikun jafu x’ġara minnhom. 

Kien hemm każi wkoll fejn xi ġenituri spiċċaw il-ħabs minħabba li oggezzjonaw li jitilqu lil uliedu f’idejn l-awtoritajiet ‘edukattivi’. Kif kienu jaslu ġewwa dawn l-iskejjel, dawn it-tfal kienet tinqatgħalhom xagħarhom u jingħataw ħwejjeġ stil Ewropew. 

Kienu jiġu kkastigati bil-kbir jekk jitkellmu bil-lingwa aboriġina. Mad-dħul tagħhom fl-iskejjel residenzjali kien jibda wkoll programm ta’ difammazzjoni tar-reliġjon u l-kultura aboriġina. 

Milli jidher, it-tmexxija ta’ dawn l-iskejjel ma tantx kienet interessata fit-tagħlim akkademiku għaliex il-prijorità kienet li dawn it-tfal jiġu mgħallma xi snajjiet bħal dik ta’ mastrudaxxa u ta’ bidwi għas-subien u dik tal-ħjata ghall-bniet. Dan sabiex dawn it-tfal ikunu jistgħu jiġu mġiegħla jagħmlu sigħat twal jaħdmu fl-għelieqi u fil-workshops tal-iskejjel.

Abbużi tal-waħx

Sa minn nofs is-snin disgħin, ġewwa l-Kanada, kienu bdew sensiela ta’ taħrikiet minn dawn l-eks studenti sabiex jieħdu kumpens għal dak li kienu sofrew ġewwa dawn l-iskejjel jew aħjar ħabsijiet li kienu nqaflu fihom kontra l-volontà tagħhom u ta’ familthom.

F’dawn it-testimonjanzi joħorġu għadd kbir ta’ każi fejn dawn it-tfal ċkejknin kienu jissawtu brutalment mill-membri tal-istaff fosthom mis-sorijiet u mill-qassisin. Saħansitra, ġewwa skola minnhom jingħad li l-awtoritajiet kienu bnew mudell tal-electric chair li bih kien joqogħodu jieħdu pjaċir jagħtu x-xokkijiet lill-istudenti bħala kastig jew bħala attrazzjoni għal xi viżitatur tal-iskola. Kien hemm każi fejn qassis partikolari kien magħruf li jagħti xebgħat lill-istudenti li permezz tagħhom dawn kienu jintilfu minn sensiehom.

Kien hemm ukoll rapporti ta’ ħafna każi ta’ abbużi sesswali mill-awtoritajiet tal-iskejjel. Kien hemm qassis partikolari li kien ġie akkużat li kien ikollu tifla kuljum miegħu fis-sodda u ieħor li kien jagħmel għas-subien żgħar. Saħansitra kien hemm rapport ta’ tifla li ħarġet tqila minn qassis u t-tqala ġiet itterminata permezz ta’ abort.

Kien hemm każi fejn xi tfal kienu ġew irrappurtati li mietu wara xi inċident. Jingħad li fil-verità, xi wħud minn dawn kienu mietu wara xi xebgħa kbira li jkunu qalgħu. Kien hemm ukoll xi testimonjanzi li xi tfal ikunu rrapportati li ħarbu minn dawn l-istituzzjonijiet, meta fil-fatt aktarx li jkunu mietu. Min jaf jekk dawn humiex fost il-katavri li nstabu?

Fabbrika tad-delinkwenza

Kif jiġri ħafna drabi, min jiġi abbużat eventwalment jibda jabbuża huwa jew hija wkoll. Hekk ġara’ lil ħafna minn dawn it-tfal. Wara snin jiġu abbużati meta kienu għadhom żgħar, fl-aħħar snin tad-disa’ snin li kienu jqattgħu ġewwa dawn l-iskejjel, huma kienu jibdew jabbużaw mit-tfal żgħar li jkunu daħlu fl-iskejjel. 

Fuq kollox ħafna minn dawn l-istudenti meta kibru u spiċċaw minn dawn l-iskejjel, saru rġiel u nisa mingħajr emozzjonijiet. Ħafna minnhom ma ġewx milqugħa lura mill-familji tagħhom għax il-karattru li kienu żviluppaw ġewwa l-iskejjel ma kienx kompatibbli ma’ dawk tal-Indjani. Dan kollu wassal sabiex ħafna minn dawn il-povri bdew jirrikorru għall-użu tad-droga u tal-alkoħol. Ħafna minnhom spiċċaw il-ħabs minħabba t-temperament vjolenti li kienu rabbew minħabba l-abbużi li kienu sofrew.

Il-ħmar iwaħħal f’denbu

Ikkonfrontat bi skandlu ta’ din id-dimensjoni, Justin Trudeau ma kellux alternattiva oħra għajr li jiskuża ruħu f’isem il-predeċessuri tiegħu li kienu vvintaw dawn l-istituzzjonijiet tal-moħqrija. Però, huwa tefa’ parti mir-responsabilità fuq il-Knisja Kattolika billi stieden lill-Papa Franġisku sabiex imur fil-Kanada u jagħmel apoloġija lil dawn in-nies. 

Sadanttant, il-vittmi qegħdin jingħataw kumpens finanzjarju sabiex iwaqqfu l-proceduri kontra l-istat Kanadiż. S’issa, il-Knisja Kattolika għadha ma għamlet l-ebda apoloġija fuq dawn il-ħniżrijiet li allegatament għamlu membri tal-kleru.

Sadanittant, l-iscanner li jsib l-għadam ġol-ħamrija ttieħed fis-sit fejn kien hemm skola oħra minn dawn sabiex ifittex hemm ukoll. Sejjer ikun qiegħed idur is-sebgħin skola residenzjali jew il-postijiet fejn kienu. Huwa mistenni li fil-jiem li ġejjin ikollna aktar aħbarijiet koroh mill-iscanner.

Ekonomija

Sport