Fid-dinja mgħaġġla li ngħixu fiha u f’mentalità tal-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet jien, is-sens uman qiegħed aktar ma jmur, jintefa. Ġesti ta’ solidarjetà u altruwisti saru aktar rari. Fortunatament bħala nazzjon, il-poplu Malti huwa magħruf li minkejja kollox, qalbu tinsab f’idejh u dejjem jara kif jgħin lil min huwa fil-bżonn. Proprju wieħed fostna huwa t-tabib Frank Farrugia, li riċentement tela’ l-muntanja Kilimanjaro f’ġest altruwist biex jinġabru fondi għal ambulanza fl-Uganda, ambulanza li għan-nies tal-post tfisser ħajja jew mewt.
Dan il-ġest, wieħed minn sensiela li beda snin ilu grazzi għall-influwenza li ħalliet fuqu Madre Tereża fil-bidu tal-karriera tiegħu, kellu l-perikli kbar inkluż bżonn ta’ intervent urġenti minn Dott. Farrugia biex isalva ħajjet wieħed mill-grupp. Dott. Frank Farrugia aċċetta l-istedina ta’ IT-TORĊA biex jaqsam magħna din l-esperjenza altruwista u dak kollu li rriżulta minnha b’mod partikolari li l-mediċina tmur lil hinn mill-kliniċi u l-isptarijiet kif ukoll li kulħadd għandu r-responsabbiltà li jgħin. Dan imqar b’turija ta’ empatija li tista’ tbiddel il-ħajja ta’ xi ħadd.
Ġest purament b’risq l-umanità…
Sfida serja anke għal dawk ippreparati
“Il-motivazzjoni biex nitla’ l-muntanja Kilimanjaro b’risq il-karità kienet purament b’risq lejn l-umanità. L-għan kien biex niġbru l-fondi għal ambulanza fl-Uganda fejn l-aċċess għal servizzi ta’ emerġenza medika hija d-differenza bejn il-ħajja jew il-mewt. Il-Kilimanjaro ma kinitx muntanja faċli biex titlagħha però, din il-kawża tat l-esperjenza skop aktar profond”.
Hekk beda jirrakkontalna Dott. Frank Farrugia, tabib u direttur tas-St Mary’s Clinic dwar din l-inizjattiva b’kollaborazzjoni ma’ Sigma Foundation. Il-muntanja li sfida hija għolja 5,850 metru, elevazzjoni li kif spjegalna dan it-tabib, tirrikjedi impenn kbir… Dan kemm mentalment, kif ukoll fiżikament.
Elabora kif, “il-Kilimanjaro għandha elevazzjoni ta’ 5,850 metru u l-altitudni tagħmel differenza kbira. L-ossiġnu jkun limitat, it-terren huwa diffiċli u l-kundizzjonijiet huma imprevedibbli. Għal dawn ir-raġunijiet, din l-esperjenza hija sfida serja anke għal dawk ippreparati”.
Xabbatur u tabib…
emerġenza medika f’altitudni għolja
Dott. Farrugia, li f’din l-esperjenza oriġinarjament kien xabbatur, sab ruħu f’sitwazzjoni fejn kellu jagħmilha ħafna drabi anke ta’ tabib. Fil-fatt dak li ġara kien li ftit mill-membri tal-grupp li siefru miegħu sofrew mill-“altitude sickness”, marda li sseħħ minħabba nuqqas ta’ ossiġinu. Qalilna li, “din il-marda, avolja maniġibbli, taf tkun perikoluża jekk ma tittieħidx azzjoni malajr. F’każ partikolari, membru tal-grupp ikkollassa u kien hemm bżonn li ssir risuxxitazzjoni. Li stajt nagħti assistenza medika f’dan il-waqt, fassal l-importanza tal-preparazzjoni u l-ħidma bħala tim”.
Mistoqsi jekk mumenti bħal dawn biddlu l-perspettiva tiegħu waqt din l-esperjenza, dan it-tabib ikkonferma u spjega kif għalih, meta tiffaċċja ruħek b’emerġenza medika f’altitudni għolja, tfakkrek li l-mediċina mhiex relatata biss mal-kliniċi u l-isptarijiet. Insista li r-responsabbiltà li tgħin lil ta’ madwarek tista’ tinqala’ f’kull ħin u dan anke fuq muntanja.
X’wasslu biex jidħol għal din l-inizjattiva?
Dott. Frank Farrugia, li bħal kull tabib ieħor f’Malta għandu professjoni impenjattiva għall-aħħar, ilu mill-ewwel ftit snin tiegħu bħala tabib jimpenja ruħu biex jgħin lill-batut. Spjega li, “kelli l-opportunità li nqatta’ xi żmien ma’ Madre Tereża. Dik l-esperjenza ħalliet impatt kbir fuqi. Madre Tereża għallmitni li l-mediċina mhiex biss dwar it-trattament imma wkoll dwar id-dinjità u l-empatija, kif ukoll is-servizz lejn dak li l-iktar għandu bżonn”.
Huwa speċifika kif f’ħafna partijiet mill-Afrika n-nies jitilfu ħajjithom sempliċiment għax m’hemmx mezz ta’ trasport sigur lejn sptar. “Ambulanza mhiex lussu imma neċessità. Dan il-proġett huwa mod kif nagħmlu differenza,” kompla Dott. Farrugia.
Għal dan it-tabib, ix-xogħol umanitarju minn dejjem kien parti importanti minn ħajtu. Fil-fatt, is-sena l-oħra huwa siefer lejn il-Peru u l-Gwatemala fejn tratta pazjenti b’uġigħ kroniku u ta b’donazzjoni forklifter biex tissaħħaħ l-infrastruttura lokali ta’ dawn ir-reġjuni fil-bżonn.
“Tratta l-persuna bħala persuna”
F’riflessjoni dwar din l-aħħar sfida Dott. Farrugia stqarr li dawn it-tip ta’ esperjenzi huma importanti ħafna għalih u għax-xogħol tiegħu f’Malta. Huwa jrid jibbilanċja l-istudju tiegħu fuq l-intern, l-estetika u x-xogħol umanitarju. Spjega li, “fl-aħħar mill-aħħar dawn huma kollha magħqudin. Jekk inix nitratta xi kundizzjoni medika, ngħin lill-klijent iġib lura l-kunfidenza personali jew nagħmel il-volontarjat barra minn Malta, il-prinċipju huwa l-istess – titratta l-persuna bħala persuna. Il-mediċina m’għandha qatt titlef l-element uman”.
L-impenn tiegħu lejn l-umanità jarah li jkompli jsaħħaħ ukoll il-karriera tiegħu u mhuwiex se jissokkta hawn. Il-messaġġ ta’ Dott. Frank Farrugia għalina lkoll huwa li, “kulħadd jista’ b’xi mod jew ieħor jikkontribwixxi. M’għandekx għalfejn titla’ muntanja biex tgħin lill-ħaddieħor. L-empatija hija biżżejjed biex tbiddel il-ħajja ta’ xi ħadd. Bħala tobba u ċittadini għandna responsabbiltà li hija ikbar minna nfusna”.

