Thursday, October 10, 2024

“Taħriġ fejn tintuża r-realtà virtwali jħalli impatt ikbar fuq il-moħħ”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-vjolenza domestika tfaħħar l-investiment ġdid tal-pulizija; sinjal qawwi ta’ kemm qed nieħdu bis-serjetà dan il-fenomenu

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

Il-Kummissarju dwar il-vjolenza abbażi tal-ġeneru u vjolenza domestika Audrey Friggieri laqgħet b’sodisfazzjon l-aħbar tal-investiment il-ġdid fi ħdan il-Korp tal-Pulizija u l-fatt li se titwaqqaf unit speċjalizzata fuq il-vjolenza domestika. Friggieri qalet li din hija aħbar sabiħa u wisq mistennija minħabba n-natura sensittiva u kumplessa ta’ dan il-fenomenu li tirrikjedi kwalitajiet partikolari mingħand il-persuni li jiltaqgħu miegħu fuq xogħolhom.

Hija qalet dan f’kummenti li tat lil inewsmalta wara li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-liġi Byron Camilleri ħabbar li b’investiment ta’ madwar €115,000 se jkun hemm disponibbli simulator għall-pulizija li se jservi bħala taħriġ dwar każijiet ta’ vjolenza domestika. Dan is-simulator juri parti minn din ir-realtà, li ħafna drabi tkun moħbija bejn l-erba’ ħitan tad-dar, minn għajn tifla ta’ seba’ snin. Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li se jkun hemm skwadra speċjalizzata fuq każijiet ta’ vjolenza domestika.

Il-Kummissarju għall-vjolenza domestika qalet li l-pulizija fl-għases jiffaċċjaw każijiet mill-iktar varji fost in-nies u dan il-fatt jagħmilha impossibbli li persuna f’dan ix-xogħol tkun speċjalizzata f’kull tip ta’ xenarju. Hija qalet li l-fatt li l-korp tal-pulizija investa tant f’dan is-simulator, li permezz tiegħu l-pulizija jkunu jistgħu jidħlu fiż-żarbun tat-tfal waqt li jkunu preżenti f’episodji vjolenti bejn il-ġenituri tagħhom, huwa sinjal qawwi ta’ kemm qed nieħdu bis-serjetà dan il-fenomenu li qed ikisser tant familji u individwi.

Friggieri qalet li tilqa’ din l-aħbar b’fiduċja li gradwalment aħna bħala soċjetà qed nempatizzaw iżjed ma’ min qed ibati. “Konsegwenza ta’ dan il-progress fi żmienna, qed jiżdied id-dibattitu fost in-nies dwar problemi li forsi qabel kienu jibqgħu wara bibien magħluqa. Dan l-għarfien ġdid fis-soċjetà tagħna qed iwassal biex jinħolqu strutturi dejjem aqwa għall-benefiċċju ta’ familji u individwi li jkunu għaddejjin minn vjolenza domestika, fenomenu iktar komuni milli naħsbu u li jista’ jmissna lkoll b’xi mod jew ieħor, xi darba jew oħra fil-ħajja tagħna,” qalet Friggieri.

“Taħriġ permezz tas-simulator huwa aktar effettiv minn dak li jsir ġewwa l-klassi tradizzjonali”

Friggieri żiedet tgħid li r-riċerka turi li t-taħriġ permezz tas-simulator huwa aktar effettiv minn dak li jsir ġewwa l-klassi tradizzjonali, permezz ta’ vidjows jew ta’ moduli onlajn, partikolarment fejn tidħol il-memorja: taħriġ fejn tintuża r-realtà virtwali jħalli impatt ikbar fuq il-moħħ ta’ min ikun qed jitħarreġ.

“Bħala Kummissjoni ninsabu kuntenti ħafna li fil-futur qrib se jkollna ferm iktar uffiċjali tal-pulizija mħarrġa apposta, u sensittivi għal dak li jġarrbu persuni u familji għaddejjin mill-vjolenza domestika. B’dan il-mod, dawn in-nies iħossuhom iktar rispettati u protetti b’tali mod li ssir mill-inqas ħsara psikoloġika u emozzjonali possibbli lilhom, speċjalment fejn jidħlu t-tfal, meta jmorru jagħmlu rapport. Ħadd ma jixraqlu jiġi abbużat ġewwa daru stess, u wisq inqas jekk dak li jkun iħossu abbużat għat-tieni darba jekk isib persuni li ma jifhmux jew ma jurux is-sensittività dovuta lejn is-sitwazzjonijiet li jiġu rrapurtati lilhom,” qalet Friggieri filwaqt li żiedet tgħid li din hija sfida importanti li issa qed tiġi indirizzata u rringrazzjat lill-Kummissarju Gafà u lil kull min kellu x’jaqsam ma’ din l-inizjattiva hekk importanti u l-implimentazzjoni tagħha.

“Irridu naħdmu iktar fuq it-twaqqif ta’ skwadra speċjali fuq il-vjolenza domestika fil-qrati tal-ġustizzja”

Friggieri qalet li sfida oħra li temmen li rridu naħdmu iktar fuqha hija dik tat-twaqqif ta’ skwadra speċjali fuq il-vjolenza domestika fil-qrati tal-ġustizzja, biex il-maġistrati u l-imħallfin li jaħdmu fuq dawn il-każi jkunu huma wkoll iffukati u mħarrġa apposta biex jagħrfu jitrattaw b’iktar sensittività mal-kuplessità u s-sensittività tal-każijiet ta’ vjolenza domestika. Hija qalet li fl-aħħar mill-aħħar qed nitrattaw mal-ħajjiet ta’ bnedmin li spiss idumu jsofru l-konsegwenzi ta’ stejjer trawmatiċi għal snin twal b’dannu għal saħħithom.

“Sodisfazzjon kbir li iktar nies qed jiddeċiedu ma jibqgħux siekta”

Fl-ewwel sitt xhur tas-sena ġew irrappurtati 618-il każ ta’ vjolenza domestika. Din iċ-ċifra turi żieda ta’ 15% meta mqabbel mal-istess sitt xhur tas-sena ta’ qabel. Friggieri taħseb li din iż-żieda hija sinjal li iktar nies qed jersqu għall-għajnuna, iktar qed ikollhom fiduċja fis-servizzi professjonali offruti lilhom, forsi wkoll għax qed jinxtered dejjem iktar għarfien u edukazzjoni dwar in-natura tal-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, kif ukoll dwar l-għajnuniet offruti lil kull min ikun għaddej minn kwalunkwe forma ta’ abbuż u vjolenza domestika.

“Għalina huwa ta’ sodisfazzjon kbir li iktar nies qed jiddeċiedu li ma jibqgħux siekta u li bil-mod il-mod qed jitkisser it-tabù madwar is-suġġett tal-vjolenza domestika. Il-benesseri tas-soċjetà tagħna hija prijorità assoluta u bħala kummissjoni nħeġġu lin-nies biex jużaw is-servizzi b’xejn li qed joffri l-gvern u ma jibqgħux isofru fis-skiet. L-abbuż u l-vjolenza fi kwalunkwe forma mhuma qatt u qatt aċċettabbli. Jeħtieġ li nkomplu naħdmu b’dedikazzjoni u responsabbiltà għal soċjetà iktar ħanina u ġusta li tirrispetta dejjem id-drittijiet fundamentali ta’ kull bniedem,” temmet tgħid Friggieri.

Sport