Minbarra l-prinċipji ewlenin fil-Liġi Operattiva Marittima (OML) u l- On Scene Coordinator Course (OSC) li sar f’Malta bejn it-22 u s-26 ta’ Mejju 2023, il-Forzi Armati ta’ Malta (FAM) u l-Amministrazzjoni Ġenerali Libjana għas-Sigurtà Kostali (GACS) mexxew eżerċizzju marittimu konġunt bl-isem “DOLPHIN 1”. Dan l-eżerċizzju sar f’Malta bejn is-17 u l-24 ta’ Lulju 2023, u ffoka fuq xenarji ta’ Maritime Border Management u Maritime Law Enforcement(MLE).
L-eżerċizzju “DOLPHIN 1” huwa l-ewwel eżerċizzju marittimu organizzat bejn il-GACS u l-FAM u jinkludi attivitajiet kemm fil-port kif ukoll fuq il-baħar. L-għan ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jkompli jiżviluppa l-prinċipji li tgħallmu matul dan l-aħħar kors imsemmi, li jaqsmu l-prattiki operattivi utilizzati waqt it-twettiq tal-operazzjonijiet marittimi u li jkomplu jitjiebu l-kooperazzjonijiet, il-kapaċitajiet u l-interoperabbiltà bejn il-Forzi.
Il-GACS skjerat żewġ bastimenti tal-għassa għal dan l-eżerċizzju, li huma l-PV 300 u l-PV 301. Il-FAM ipparteċipat ukoll f’dan l-eżerċizzju permezz ta’ ajruplani bil-ġwienaħ fissi u helicopters, boarding team directional staff u bosta assi marittimi.
Dan l-eżerċizzju huwa meqjus bħala pass fit-titjib tal-kapaċitajiet taż-żewġ nazzjonijiet fuq bosta aspetti operattivi li jistgħu jiltaqgħu magħhom fil-Baħar Mediterran, bil-għan li tissaħħaħ is-sikurezza u s-sigurtà fir-reġjun. Barra minn hekk, dan l-eżerċizzju se jimmira li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi fi ħdan ir-reġjun u jwitti t-triq lejn aktar kooperazzjoni produttiva fil-futur.