Is-suġġett tal-familja fil-Budget 2026 kien il-bażi li fuqu bena d-diskors tiegħu l-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li qal li jekk irridu nitkellmu fuq il-futur ta’ pajjiżna, irridu nitkellmu fuq familji u li nagħmluha possibbli għal dawk il-familji li jixtiequ jwelldu l-ġenerazzjoni li jmiss.

Il-Ministru Caruana stqarr dan waqt li kien qed jindirizza konferenza organizzata mill-Union Print fil-bini tal-General Workers Union, li poġġiet il-Budget 2026 taħt il-lenti. Huwa beda biex staqsa x’joffri dan il-budget lill-pajjiż u lill-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Caruana qal li dan kien budget li jekk kien hemm kategorija ta’ nies li ried jindirizza u li forsi fil-pajjiż konna ilna ma nitkellmu fuqha kienet dik tal-familja. Dan fil-kuntest tal-isfidi kollha tal-ħajja ta’ kuljum li l-pajjiż u l-fatt li dan is-suġġett konna ilha ma nittrattawh bil-profondità li jixraqlu.

Il-Ministru għall-Finanzi qal ukoll li sirna wisq inħarsu lejn illum u għada milli x’se jiġri 10 jew 20 sena oħra. Huwa semma kif fil-budget tħabbret waħda mill-akbar miżuri intenzjonati li jħallu aktar flus fil-but tal-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Caruana rrefera wkoll għall-ħtieġa li f’pajjiżna nibdew inħarsu lejn il-mod ta’ kif nipproduċu bl-użu akbar tat-teknoloġija. Fosthom li nisħqu fuq il-ħtieġa tal-Intelliġenza Artifiċjali u li kull min qiegħed fin-negozju rridu ngħinuh sabiex joħloq aktar ġid permezz tat-teknoloġija.

Waqt l-istess konferenza tkellem il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon li enfasizza fuq l-isfida demografika li għandna f’pajjiżna u anke f’pajjiżi oħra. Huwa qal li pajjiżna llum diġà għandu aktar minn 100,000 pensjonant.
Dwar il-qasam soċjali, il-Ministru Falzon qal li l-Gvern qed jinvesti fin-nies tant li mill-1 ta’ Jannar 2026, il-pensjonanti se jkunu żdiedu b’aktar minn €80 fil-ġimgħa f’dawn l-aħħar 12-il sena. Dan juri li dan il-budget kellu ruħ soċjali b’saħħitha ħafna. Huwa qal ukoll li l-Ministeru tiegħu qed jistma li s-sena d-dieħla se tkun investita s-somma ta’ €2.55 biljun fil-qasam soċjali.
Il-konferenza ddiskutiet diversi temi li għal kull wieħed minnhom kien hemm panel ta’ kelliema. Fost dawn it-temi kien hemm is-saħħa u l-miżuri soċjali, l-edukazzjoni u r-riżorsi umani, it-turiżmu, il-prospetti ekonomiċi u t-triq ’il quddiem.
Sadanittant, f’kumment li għamel is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja, qal li “huwa improtanti li bħala GWU u Union Print nanalizzaw il-Budget wara li saru d-diskussjonijiet kollha u naraw is-setturi differenti tas-soċjetà kif se jintlaħqu.

“Tkellimt fuq in-naħa tal-ħaddiema u għamilt enfasi li fil-budget, l-akbar investiment mhux biss qed isir fuq il-familja imma kien hemm diversi inċentivi fiskali li se jagħtu impetus lil diversi postijiet tax-xogħol biex jinvestu iżjed fit-teknoloġija, fid-diġitalizzazzjoni u fl-Intelliġenza Artifiċjali,” tenna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU.

