Sunday, November 10, 2024

“Tal-ħaxix m’għandhomx jarmaw bil-ħut” … Bejjiegħa tal-lampuki jitolbu regolamentazzjoni fil-bejgħ tal-lampuki

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

L-istaġun tal-lampuki reġa’ magħna u għall-poplu Malti li jħobb din il-ħuta bajda u pjuttost irħisa, inewsmalta tkellem ma’ tliet bejjiegħa tal-ħut li barra li ddominat il-kwistjoni tal-varjazzjoni fil-prezz minħabba l-qabda, bejjiegħa minnhom ilmentat bil-kompetizzjoni inġusta li qiegħed ikollhom mill-bejjiegħa tal-ħaxix minħabba li dawn fix-xhur tal-lampuki jbiegħu wkoll dan il-ħut. 

Adriana, li tbiegħ ħut minn ta’ kull tip ma’ ħuha, qaltilna li pajjiżna għandu bżonn jagħmel regoli ċari li fihom jifred il-bejgħ ta’ ħaxix u dak tal-ħut, b’mod partikolari tal-lampuki fejn dawn l-aħħar sitt snin is-sitwazzjoni ggravat ħafna. 

“Hemm bżonn toħroġ liġi għall-bejjiegħa tal-ħut għax importanti li dawk li jarmaw bil-ħaxix jibqgħu fuq xogħolhom u min huwa armat bil-ħut iżomm il-ħut. Is-sajjied qiegħed dejjem imur ħażin għax ikun hemm ħut żgħir u ħut kbir. F’dan ir-rigward ukoll hemm bżonn li jkun hemm prezzijiet fissi mill-awtoritajiet skont id-daqs tal-ħuta,” sostniet Adriana.

Din il-bejjiegħa tħoss li l-istaġun għaliha sejjer ħażin fejn forsi tbigħ medja ta’ 20 kilo lampuki kuljum. Hija, li tarma f’Wied il-Għajn biss, qalet li fil-pixkerija kulħadd iħawwad u jgħaffeġ fejn hemm sitwazzjoni li jidħlu tal-ħaxix jixtru l-lampuki u jieħdu x-xogħol lilhom.

“Aħna s-sena kollha nagħmlu dan ix-xogħol u huma jiġu biss fl-istaġun tal-lampuki li jibda f’Santa Marija. Jiġu hemm u jwaqqgħu l-prezz. Jumejn oħra se nispiċċaw li s-sajjieda ma mmorrux aktar għal-lampuki,” qalet il-mara. 

Hija temmen li n-nies qiegħda tidra tixtri bi prezz baxx mingħand tal-ħaxix anke jekk il-ħut ma jkunx ta’ kwalità tajba.

“Il-Malti jħobb il-lampuka u jixtri… basta tkun irħisa!”

Min-naħa l-oħra hemm bejjiegħa li għalihom l-istaġun tal-lampuki beda tajjeb ħafna tant li ta’ kuljum bejjiegħa partikolari qalet li tbigħ medja ta’ bejn 90 u 100 kilo kuljum. “Il-Malti basta jkun irħis u verament iħobbha l-lampuka,” sostniet din il-mara.

Hija qalet li meta l-prezz ikun baxx, jiġifieri bejn l-€4 u l-€4.50 kull kilo, in-nies se jixtruh aktar. Mentri meta jkun madwar is-€7 hija tnaqqas il-bejgħ bin-nofs, jiġifieri madwar 40 kilo kuljum. 

“Xi trid tagħmel? Dalgħodu avolja qiegħed bis-€7.40 sat-8 ta’ filgħodu kien kollox mibjugħ. Kieku kelli iżjed forsi kont inbiegħu wkoll. Il-ġurnata ħadd ma jafha,” qalet bi tbissima l-bejjiegħa.

Hija qalet li barra li jbiegħu, huma sajjieda wkoll u ilha s-snin twal f’dan ix-xogħol. Għaliha, l-istaġun tal-lampuki huwa twil u l-lampuka tinbiegħ għax tafha Malta kollha. “Għandek min ma jiekolx ħut imma l-lampuka jiekolha,” kompliet bi tbissima. 

Din il-bejjiegħa temmen li f’Malta m’għandniex x’ingergru għax hawn ħafna ħut u kkonfermat li l-aktar ħuta popolari mal-Maltin hija proprju l-lampuka. 

“Il-lampuka hija ħuta selvaġġa. Mhix mill-fishfarms, allura m’intix tiekol ġwież. In-nies għalihom dik biżżejjed għax il-lampuki ġejjin mill-ambjent naturali tagħhom – li huwa l-baħar,” spjegat il-mara. 

Hija temmet tgħid li warajhom jimxi ħafna s-salamun għax fl-opinjoni tagħha, bl-istil ta’ ħajja mgħaġġla li ngħixu llum, din hija ħuta bnina u tissajjar malajr.

Għall-ewwel jibda b’ħafna imma wara jbatti…

Għal Charlene Pace, bejjiegħa oħra tal-ħut li ilha f’dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar 14-il sena, dan l-istaġun huwa bħal tas-soltu fejn għall-ewwel jibda b’ħafna, imma mbagħad jibda jnaqqas. 

“L-istaġun għadu fil-bidu u allura ma nistax ngħid jekk se jkunx aħjar minn ta’ qabel jew le. Fil-fehma tiegħi jkun aħjar li kieku jibdew l-istaġun ftit aktar tard, jiġifieri fl-1 ta’ Settembru, ħalli l-lampuki jilħqu jikbru,” sostniet Charlene.

Din il-bejjiegħa qalet li l-problema tkun li mbagħad it-Taljani jibdew minn kmieni u jieħdulek il-passa. Fil-fatt fi żmien Novembru, spjegat il-mara, kif jispiċċaw it-Taljani lejn il-Milied jerġa’ jkun hemm ammont akbar ta’ lampuki. 

Charlene wkoll qalet li l-bejgħ tagħha jiddependi ħafna mill-prezz li tinbiegħ bih il-lampuka, liema prezz ikun stabbilit fil-pixkerija stess. Għaliha x-xogħol jimxi skont il-ġurnata u mhux dejjem tbiegħ l-istess. Ġieli, fil-każ tagħha, tbiegħ 40 kilo kuljum, mentri fi ġranet oħra dan l-ammont jinżel għal 20 kilo.

“In-nies ma tantx ikollhom paga u bħalissa, almenu nara minni, meta n-nies kienu ġewwa kienu jixtru aktar. Dan minħabba li permezz ta’ reklami fuq il-midja li għenni nagħmel ħija, offrejna s-servizz ta’ tqassim tal-ħut fid-djar. Issa li ġara, minħabba l-vouchers naqqasna ħafna minħabba li n-nies qegħdin imorru jieklu fir-ristoranti u l-lukandi. Għalina, din tal-Covid-19, kienet bomba,” kompliet il-bejjiegħa tal-ħut.

Hija ġabet l-eżempju tal-Ħdud u l-festi fejn qabel kellhom ħafna aktar bejgħ meta kienu jduru l-knejjes. “Dan il-bejgħ niżel bin-nofs għax in-nies qegħdin jibżgħu joħorġu u lanqas quddies ma jmorru. Barra minnhekk, ix-xogħol tagħna mhuwiex faċli. Inqum minn sbieħ Alla, xi drabi anke fit-3 ta’ filgħodu u nibqa’ sejra xogħol sa xis-2.00 ta’ wara nofsinhar minħabba li wara jkolli nnaddaf il-garaxx ukoll. Barra minnhekk, fl-istaġun tal-lampuki naħdem mit-Tnejn sal-Ħadd,” sostniet Charlene.

Minħabba li l-maġġorparti tal-klijenti tagħha huma anzjani u bis-sitwazzjoni tal-pandemija, hija qalbet aktar bid-deliveries. Charlene qiegħed ikollha tiġri minn lokalità għall-oħra biex taqla’ l-ħobża ta’ kuljum tagħha fejn ta’ kuljum iddur bil-vann f’Ħal Luqa, fl-Isla, f’Wied il-Għajn, f’Ħal Għaxaq u fil-Gudja.

Sport