Monday, November 11, 2024

Talbitu biex jieqaf u allegatament kompla biex jagħmel is-sess magħha

Aqra wkoll

Raġel ġie akkużat li stupra tfajla ta’ 15-il sena li kien iltaqa’ magħha ġewwa stabbiliment f’Paceville s-Sibt filgħaxija.

Humair Yaqoob, ta’ 22 sena mill-Pakistan, ġie arrestat wara li t-tfajla, ta’ nazzjonalità Taljana u studenta tal-lingwa Ingliża, fetħet qalbha ma’ sħabha u allegat magħhom li kienet ġiet stuprata.

“Il-każ kellu l-bidu tiegħu meta t-tfajla ltaqgħet mar-raġel f’bar,” qal l-Ispettur Joseph Busuttil, li qed imexxi l-Prosekuzzjoni. Qal li wara kienu marru jimxu flimkien u waqfu f’post għall-kwiet, bejn Pembroke u San Ġiljan fejn bdew jitbewsu.

Intqal li mbagħad kien hemm aktar intimità, bit-tifla tesperjenza uġigħ u talbitu biex jieqaf. Iżda hi qalet lill-pulizija li huwa kompla biex għamel is-sess magħha. Wara, it-tnejn li huma mxew lura flimkien lejn Paceville u mbagħad hi telqet naħa u hu naħa oħra. 

Hija kienet qalet lil sħabha x’ġara u marret tagħmel rapport lill-pulizija. L-imputat instab qalb il-folla f’Paceville u kien arrestat. L-Ispettur qal li l-verżjoni tal-imputat kienet taqbel ma’ dik tat-tifla għajr għall-fatt li saħaq li meta talbitu biex jieqaf, huwa għamel hekk. Qal ukoll li fi triqithom lura, hija kienet qaltlu li kellha 16-il sena. 

Yaqoob wieġeb mhux ħati tal-akkużi u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba li għad irid jixhdu l-allegata vittma u l-ħbieb tagħha u li kienu se jagħmlu dan dalwaqt billi kienu Malta għal btala qasira. 

Il-Maġistrat Victor George Axiak, ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest, peress li jidher li hemm biża’ reali li l-imputat ifixkel il-proċeduri u l-fatt li ma kellu l-ebda rabtiet f’Malta.

L-Avukati Darlene Grima u Danica Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali assistew lill-Ispetturi Joseph Busuttil u Zachary Zammit. L-Avukat David Bonello deher għal Yaqoob.

Sport