Saturday, December 21, 2024

Talbitu €50 għal ‘massaġġi’… persuna b’diżabilità spiċċa bi ġrieħi f’wiċċu u mhedded b’arma finta

Aqra wkoll

Talba għal ħbiberija minn tfajla ta’ 25 sena lil persuna li hu b’diżabilità, fejn konsegwenza ta’ dan ftehmu li hi tmur f’daru biex tagħmillu ‘massaġġ’ għal €50, wasslet biex inqalgħet kwistjoni sħiħa u l-persuna b’diżabilità kien aggredit mill-istess tfajla tant li sofra ġrieħi f’wiċċu. Mhux biss iżda hu kien mhedded b’dik li hu fehem li kienet arma tan-nar u li wara irriżulta li kienet finta. Hu spiċċa insteraqlu ‘pouch’ bil-flus minn din it-tfajla. Xhur ta’ investigazzjoni u tfittxijiet mill-Pulizija fl-aħħar waslu biex tellgħu lit-tfajla l-Qorti iżda l-vittma għażel li ma jixhidx, bil-Qorti tispiċċa tillibera lit-tfajla.

L-Ispettur Priscilla Caruana Lee, stazzjonata fl-Għassa tal-Belt Valletta, xehdet li  nhar l-l ta’ Frar 2018, il-Pulizija tal-Għassa tal-Belt ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza fi blokka ta’ appartamenti fil-Belt Valletta. Qalet li l-Pulizija meta marru fuq il-post sabu lil ċertu Brian Borg b’xi ġrieħi f’wiċċu. Dan stqarr li kien irċieva ‘friend request’ mingħand ċertu Kimberlyn Xuereb fejn qaltlu sabiex jiltaqgħu. Borg, li għandu problemi ta’ mobbilità, qalilha li kellu problema biex joħroġ mid-dar u ftehmu li hi tmur fir-residenza tiegħu sabiex tagħmillu “massaġġ’ għal €50.00. Kif waslet fuq il-post, għokritu għajnejh minnha u qalilha biex titlaq.  Hi qaltlu li la kienet marret kellha titallas xorta u ħatfitlu l-pouch li kien imdendel mal-wheelchair waqt li aggredietu f’wiċċu kif ukoll ħarġet arma li ppuntata lejh u hedditu biha. Borg  kien irnexxielu jirreżisti lil Xuereb u din telqet minn fuq il-post. 

Mix-xhieda irriżulta li l-Pulizija elevat boots iswed, handbag aħmar u arma tal-plastik minn fuq il-post u ġie nnutat li kien hemm ukoll CCTV kamera li kienet tal-istess Brian Borg u li minnha ġew elevati xi filmati. L-imputata ġiet identifikata f’dawn il-filmati, partikolarment minħabba xi tattoos illi hija għandha fuq daharha. 

Intqal li fl-10 t’April 2019, wara perjodu ta’ żmien fejn il-Pulizija sabet diffikultajiet sabiex tintraċċja lill-marra, din intlemħet barra u ġiet arrestata u mitkellma ġewwa l-Għassa tal-Belt fejn hija tat stqarrija wara li għażlet li ma tikkonsultax ma’ avukat. 

Deborah Farrugia, eks-uffiċjal tal-probation fix-xhieda tagħha spjegat li ġiet mgħoddija il-każ ta’ Kimberlyn Xuereb f’Ottubru 2014 u damet inkarigata minnu sa Lulju 2019.  Spjegat li lejn il-bidu, Kimberlyn kienet tattendi għall-appuntamenti b’mod sporadiku, madankollu, meta saru testijiet tal-awrina għal sustanzi illeċiti, dawn irriżultaw fin-negattiv. Kien f’Marzu tas-sena 2016 li rriżultat pożittiva għall-kokaina. Ix-xhud, qalet li l-mara ma tantx kellha għajnuna mill-familja u kien hemm lok ta’ eżempji ħżiena minħabba li kien hemm problema ta’ abbuż mid-droga mill-familjari. Għall-habta ta’ Frar tas-sena 2018, jidher li l-mara giet maħkuma minn dipressjoni u ftit li xejn kienet toħroġ mid-dar. 

Mis-sentenza jirrriżulta li minkejja li Brian Borg, il-vittma intalab jitla’ jixhed kemm il-darba dan baqa’ ma marx u dan minħabba l-kundizzjoni fiżika tiegħu. It-tabib Dr. Andrea Agius Anastasi kien spejga lill-Qorti li l-vittma ibati minn diversi kundizzjonijiet u problemi mediċi li jrendu l-mobilità tiegħu difficli. 

Fid-dawl ta’ din ix-xhieda, l-uffiċjal prosekutur talab sabiex jinħatar espert sabiex jeżamina l-istat ta’ Brian Borg u jidetermina jekk jistax jattendi l-Qorti.  Il-Qorti kienet laqgħet it-talba u appuntat lit-tabib Dr. Mario Scerri għal dan il-għan. Hu  esebixxa rapport  u kkonferma li l-vittma  jinsab f’siġġu tar-roti u għandu diffikulta ta’ mobbiltża. Qal li madankollu “huwa ambjentat għal-lok, ħin u persuna u jirrispondi b’mod korrett u koerenti għad-domandi li jsirulu.”. Hu  ikkonferma li l-Isptar kien f’pożizzjoni li jipprovdilu transport sabiex jattendi għall-Qorti bħal ma ġieli ġara f’każijiet oħra simili. 

Ġara li Brian Borg xorta ma deherx biex jagħti x-xhieda tiegħu minkejja li ġiet ppreżentata riferta pożittiva. Għaldaqstant il-Qorti  kienet ordnat li joħroġ mandat t’akkumpanjament u li tingħatalu kull għajnuna neċessarja għall-mobilità tiegħu. Ġara li  l-ufficjal prosekutur iddikjara li minħabba raġunijiet validi mediċi li spjegalha  Brian Borg, il-prosekuzzjoni f’dan l-istadju qed tirrinunzja minn l-imsemmi Brian Borg milli jixhed.

Fis-sentenza intqal li filwaqt li l-prosekuzzjoni infurmat il-Qorti li r-raġunijiet mogħtija lilha minn Brian Borg sabiex ma jattendix kienu raġunijiet mediċi, liema raġunijiet kienu ġustament validi, minn eżami tat-tabib Mario Scerri irriżulta li x-xhud kien kapaċi jixhed u kien jirrikjedi biss assistenza prattika sabiex jattendi, liema assistenza kienet ġiet offerta fis-sħiħ, iżda baqgħet tiġi rifjutata minnu.  Intqal li minn naħa tagħha l-prosekuzzjoni ġiet bejn ħaltejn, minn naħa l-waħda sabet ruħha mitluba tesegwixxi dak mitlub fir-rinviju ta’ l-Avukat Ġenerali u minn naħa l-oħra, ma tisfurzax lill-parte civile, persuna b’diffikultajiet mediċi serji, li jattendi l-Qorti u jagħti x-xhieda tiegħu viva voce kontra x-xewqat tiegħu. 

Il-Qorti qalet li Brian Borg huwa x-xhud prinċipali f’din il-kawża u ċertament huwa l-unika persuna li jista’ jispjega l-avveniment, jitfa’ dawl fuq il-fatti u jispjega kif l-allegati reati seħħu. Fin-nuqqas li jattendi u fid-dawl tar-rinunzja tal-prosekuzzjoni inħolqot lakuna sinifikanti, jekk mhux detrimentali għall-każ tal-prosekuzzjoni. 

Il-Qorti qalet li fid-dawl taċ-ċirkostanzi u fin-nuqqas tax-xhieda tal-vittma, trid bil-fors tistrieħ fuq il-kumplament tal-provi tal-prosekuzzjoni li huma ċirkostanzjali u filwaqt li jitfghu dawl fuq x’seta’ ġara, mhumiex ikkoroborati bl-elementi formali tar-reati in kwistjoni. 

Finalment il-Qorti iddikjarat lil Kimberlyn Xuereb mhux hatja ta’ l-imputazzjonijiet kollha dedotti kontriha u tilliberaha minn kull ħtija u piena dwarhom. 

Ekonomija

Sport