Thursday, March 28, 2024

Il-Qorti Kostituzzjonali ma ssibx ksur tad-drittijiet ta’ George Degiorgio

Aqra wkoll

Il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ drittijiet ta’ George Degiorgio, li jinsab akkużat flimkien ma’ ħuh Alfred bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’Ottubru tal-2017. 

Il-Qorti waslet għal din id-deċiżjoni waqt is-smigħ ta’ rikors mressaq minn George Degiorgio fejn kien ilmenta li kien tressaq il-Qorti fuq il-pretest jew suppożizzjoni li huwa kien jinsab fuq dgħajsa partikolari dakinhar tad-delitt, meta skont hu l-Prosekuzzjoni ma kellhiex provi.

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Grazio Mercieca, li ppresjeda l-kawża, beda biex innota kif il-proċedura kriminali tagħti għadd ta’ mezzi idonei biex l-akkużat ikun jista’ jiddefendi ruħu fil-konfront tal-provi jew le mressqa mill-Prosekuzzjoni. Mezzi li ntqal li huwa għadu f’qagħda li juża, għaliex il-proċess kriminali għadu ma ntemmx, anzi għadu fi stadju bikri.

“Ġaladarba għad hemm dawn il-mezzi disponibbli taħt il-liġi ordinarja, din il-Qorti għandha diskrezzjoni jekk tikkunsidrax ilment dwar ksur tal-jeddijiet fundamentali. Diskrezzjoni li din il-Qorti hija propensa li teżerċita fin-negattiv, għax il-liġi trid li proċeduri bħal dawn isiru biss f’każijiet eċċezzjonali meta jkun hemm tabilħaqq bżonnhom minħabba li ma jkunx hemm disponibbli rimedji ordinarji adekwati, u mhux jinfetħu bl-addoċċ b’mod li jokkupaw ħin prezzjuz li dawn il-Qrati jistgħu jużaw biex jisimgħu kawżi oħra,” qal l-Imħallef Mercieca.

Il-Qorti saħqet ukoll li jirriżulta mix-xhieda tas-Supretendent Keith Arnaud li l-prova tad-dgħajsa ma kinitx l-unika waħda determinanti li wasslet lill-pulizija biex tarresta u takkuża lil George Degiorgio bid-delitt, iżda kienet biss waħda fost ħafna oħrajn.

Kien għalhekk li ċaħdet it-talbiet kollha ta’ George Degiorgio bl-ispejjeż kontra tiegħu.

Ekonomija

Sport