Saturday, November 23, 2024

Tallega li sfat stuprata f’darha minn carer mill-Isptar Monte Carmeli

Aqra wkoll

Il-mara li allegatament sfat stuprata minn carer fl-Isptar Monte Carmeli xi xhur ilu reġgħet qiegħda tappella biex issir ġustizzja magħha u dawk il-pazjenti kollha li jistgħu jispiċċaw fis-sitwazzjoni tagħha.

Fl-aħħar xhur Emma Attard tkellmet dwar l-esperjenza qarsa tagħha ta’ kif carer partikolari allegatament baqa’ jisfurzaha biex tagħtih l-indirizz fejn tgħix. Spjegat li kollox beda wara li l-carer bagħtilha friend request fuq Facebook, iżda wara huwa talabha l-indirizz tar-residenza tagħha. Spjegat li hi ma ħassitiex komda tagħmel dan, iżda li bil-mod kif beda jgħidilha, hi ħassitha li qiegħda tonqos għax il-carer beda jsostni li kien parti minn xogħlu li jħares lill-pazjenti.

Skont rapporti dwar il-każ fil-midja lokali, jidher li l-carer inkwistjoni – li huwa tal-privat u mhux ħaddiem tal-gvern, ġie sospiż mill-ħidma tiegħu f’Monte Carmeli. B’rabta ma’ dan il-każ infetħet ukoll inkjesta Maġisterjali, iżda skont Attard ħasset li kellha tkompli bl-illustrazzjonijiet tagħha ta’ arti biex tibqa’ tesprimi l-emozzjonijiet tagħha għaliex s’issa għadha ma ġiet infurmata bl-ebda azzjoni.

Filwaqt li kompliet tisħaq li se tkun qiegħda tiffoka fuq iż-żwieġ tagħha, Attard qalet li ma setgħetx tibqa’ siekta b’dan “il-monstru” li għadu jħuf.

“Dan il-monstru ġie f’dari, abbuża mill-vulnerabbiltà tiegħi u ħadli s-sigurtà, il-fiduċja, it-tama u ħallieni nħossni tarduta, mitlufa u mriegħda”, kompliet biex tgħid Attard filwaqt li esprimiet id-diffikultà ta’ dan il-vjaġġ biex tirkupra fejn fost l-oħrajn kellha terġa’ tibda tħobb mingħajr biża’. 

Hija tenniet li hemm bżonn li ssir ġustizzja u li din isservi biex tinkiser l-istigma fuq dawn il-pazjenti. Jekk tittieħed azzjoni bis-serjetà f’dan il-każ, pazjenti oħrajn jistgħu jsibu l-kuraġġ biex jitkellmu, iżda jekk dan il-każ jgħaddi mal-oħrajn, żgur li s-sitwazzjoni se tkompli tmur għall-agħar.

Sport