Thursday, December 26, 2024

Tappella biex titbaxxa l-età tal-iscreening għall-kanċer tas-sider

Aqra wkoll

Fid-dibattitu parlamentari dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa, id-Deputata Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici appellat biex titbaxxa l-età tal-iscreening għall-kanċer tas-sider.

“Qed naraw numru ta’ nisa li għandhom inqas minn 50 sena li qed jimirdu bil-kanċer tas-sider. Sfortunatament rajna wkoll imwiet. Nappella lill-Gvern biex jibda joffri screening ukoll għal nisa li għandhom inqas minn 50 sena,” qalet Mifsud Bonnici.

“Nipproponi li dan l-iscreening jibda jingħata lil nisa minn 45 sena ‘l fuq. L-istess ħaġa nista’ ngħid biex ngħollu wkoll l-età minn 69 sena għal ftit snin oħra. F’diversi pajjiżi oħra jagħmlu screening sa 71 sena.”

Mifsud Bonnici tenniet li kull persuna li għal xi raġuni jew oħra tiġi affettwata b’din il-marda kiefra, għandha dejjem tingħata dan is-servizz b’xejn.

Sadanittant, ta’ min wieħed ifakkar li l-Partit Laburista, fil-manifest elettorali tiegħu, kien wiegħed li titbaxxa l-età għall-iscreening tal-kanċer tas-sider tan-nisa għal 45 sena.

Ekonomija

Sport