Sunday, December 22, 2024

“Taqtax qalbek u tgħidx li dik il-ħaġa hija impossibbli”

Aqra wkoll

Andrew Abela li kiseb riżultat pożittiv fil-Marathon des Sables li saret fid-deżert tal-Marokk

Andrew Abela kiseb riżultat sodisfaċenti fil-35 edizzjoni tal-Marathon des Sables li saret fid-deżert tal-Marokk. Abela spiċċa fl-34 post fost l-irġiel kollha li pparteċipaw hekk kif l-atleta li jispeċjalizza fl-ultra marathon kellu wirja ferm tajba. Il-ħin li kiseb kien wieħed ferm tajjeb hekk kif wasal għat-tragward finali f’35 siegħa, 25 minuta u 21 sekonda.

Din il-manifestazzjoni li sseħħ kull sena fid-deżert tas-Sahara, damet għaddejja għal ġimgħa sħiħa. Din il-maratona hi kkunsidrata ferm perikoluża u ta’ sfida kbra speċjalment minħabba l-kundizzjonijiet estremi tat-temp partikolarment dawk klimatiċi b’temperaturi li jlaħħqu l-50 grad celsius. 

Normalment din il-maratona sseħħ fix-xahar t’April, fi żmien fejn it-temperaturi fid-deżert ma jkunux daqshekk qawwija. Madankollu minħabba l-pandemija tal-COVID-19, dan l-avveniment ġiet pospost għal darba tnejn u għalhekk tmexxa għax-xahar ta’ Settembru. 

Tul il-maratona, il-parteċipanti huma mħeġġa sabiex iġorru magħhom xi tip ta’ ikel, ilma, aċċessorji biex torqod u apparat tal-ewwel għajnuna.

Il-problemi ma naqsux tul din il-maratona, b’bosta atleti li sofrew minn xi problemi fiżiċi f’tellieqa li titlob sforzi ferm eżaġerati. Tant hu hekk li madwar 40 fil-mija tal-parteċipanti abbandunaw it-tellieqa hekk kif ħafna minnhom esperjenzaw xi tip ta’ diffikultà. B’xorti ħażina kien hemm ukoll atleta li tilef ħajtu wara li tah attakk tal-qalb.

Flimkien ma’ Abela, kien hemm ukoll il-parteċipant Thomas Cremona li wara li għamel parti mit-tellieqa kellu jieqaf minħabba li sab diffikulta’ fit-teħid tal-ikel.

Sadanittant ir-rebbieħ kumplessiv ta’ dan l-avveniment kien l-atleta Marokkin Rachid El Morabity li b’hekk rebaħ din it-tellieqa għas-seba’ darba fil-karriera tiegħu. Warajh spiċċa ħuh Mohammed li ġie fit-tieni post b’ħin ftit inqas minn El Morabity. 

Andrew Abela qatt ma kien atleta li jfittex sfidi estremi anzi l-biċċa tax-xogħol dejjem seħħet bil-kontra.

“Jien ma kontx lest nagħmel dawn l-isfidi tant estremi. Anki l-inqas ħsieb ta’ maratona ftit seta’ jkun possibbli. Ma kontx lest nagħmel dawn l-affarijiet.”

“Smajt b’din il-maratona waqt li konna qed inpaċpċu bejnietna fuq il-post tax-xogħol. Skantajt meta qaluli li ridt tikkompeti f’temperaturi ta’ aktar minn 52 grad Celsius b’basket li jiżen 12-il kilo u b’ikel kollox ippakkjat għal sebat ijiem sħaħ.”

Għaddew tliet snin u l-ħajra li jibda dan l-isport estrem bdiet titqawwa.

“Niftakar li kont għamilt l-Lifecycle Challenge f’Oman u wara li ħadt pjaċir nikkompeti fiha, iddeċidejt li nittanta xortija fil-Marathon des Sables.Din id-darba qisu xejn ma beda jaqtagħli qalbi”

Minkejja kollox, Andrew ma jqisx ruħu bħala atleta iżda bħala bniedem li jħobb l-isfida u l-avventura.

“Ħa nagħmilha ċara. Fl-ebda mument ma qist ruħi bħala atleta. Jien bniedem li lest għall-isfida għax hekk magħmul! Ma jfissirx li għax nagħmel dawn l-isfidi estremi bilfors għandi nissejjaħ atleta”

Iżda kif ipprepara fiżikament u mentalment għal din l-isfida?

“Kelli kowċ u ħabib personali miegħi. Jien inqisu bħala l-għalliem personali tiegħi għax mingħandu tgħalimt ħafna. Iltqajna flimkien f’April 2020 u minn hemm ‘l hemm bdejna nħarsu ‘il quddiem Kellna ħafna preparazzjoni tul dan iż-żmien speċjalment minn xhur qabel għax kif għedtlek din mhux sempliċement tkun qed tagħmilha iżda trid tkun lest għal ħafna sfidi u kumplikazzjonijiet. Nista’ ngħidlek li b’kollox ilna sentejn għaddejjin!”

Andrew Abela jgħid li x-xewqa li jwettaq din il-missjoni bdiet wara l-lifecycle challenge li kien għamel fl-Oman. Hemmhekk hu wera lest li jidħol f’dik id-dinja li bl-Ingliż tissejjaħ endurance. Hu jgħid li hi diffiċli iżda mhux li ma tistax tagħmilha u għalhekk jirrakkomandaha lil kulħadd. Fl-aħħar mill-aħħar skont hu xejn m’hu impossibbli.

Fuq kollox, l-isfida li għamel fl-Oman serviet sabiex jinġabru flus għall-karita’. Hemmhekk jikber ukoll is-sodisfazzjon għax bniedem qed jgħin lil ħaddieħor bil-ħiliet li kapaċi jagħmel filwaqt li jara t-tbissima f’fomm persuna oħra. 

Iżda Andrew Abela għandu ħsieb li jerġa’ jagħmel din l-isfida hekk estrema?

“Nixtieq nerġa’ nagħmilha għalkemm irid jgħaddi ċertu żmien għax mhux lakemm taqbad u tgħidha! Madankollu qed naħseb biex nagħmel tlielaq oħra u nkompli nistabilixxi ruħi f’dan il-qasam.

Fl-aħħarnett xtaqt lil Andrew jwassal messaġġ lil dawk iż-żgħażagħ u atleti li jixtiequ jżommu ruħhom attivi fiżikament.

“Jien personalment inħobb inżomm ruħi attiv fiżikament u ħa nkun onest xi ftit vanità tagħmel tajjeb xi kultant għax iżżomm ruħek pulit. Anke psikoloġikament tħossok aħjar filwaqt li l-ġisem jipproduċi endorphins li jagħmluk ferm iffukat u dedikat f’dak li tkun qed tagħmel.

Għalhekk il-messaġġ tiegħi hu wieħed. Taqtax qalbek u tgħidx li dik il-ħaġa hija impossibbli. Aħdem għalija, ipprattika u tara kif jirnexxielek!”

Ekonomija

Sport