Din il-gazzetta tinsab infurmata illi l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista u President tal-istess Parlament, Roberta Metsola, ħadet għaliha bil-kbir wara li dehru posters madwar Malta dwar il-każ ta’ nepotiżmu fejn impjegat magħha lil Matthew Tabone, ir-raġel ta’ oħtha, b’salarju oħxon ta’ €20,000 fix-xahar.
Sorsi qalulna li quddiem dawn il-posters għorok idejh il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li jikkunsidra lil Metsola bħala theddida biex iżomm postu bħala Kap.
Jidher li dawn l-posters servew ta’ okkazzjoni biex Bernard Grech jingħata aktar prominenza fl-attività tal-EPP. Persuni midħla tad-Dar Centrali Nazzjonalista allegatament qed jgħidu li l-ħakma tad-deputat tal-establishment Karol Aquilina, fuq Bernard Grech, qiegħda dejjem tintensifika u Aquilina għandu nteress li Bernard Grech jibqa’ Kap għax b’hekk jibqa’ jkollu poter u saħħa assoluta fil-PN.
Fil-PN, Bernard Grech tpoġġa Kap fl-2020 biex jerfa’ telfa ovvja li kien se jkollu l-PN fl-2022. Il-klikka estremista, li tikkmanda kollox fil-PN, imbgħad beżgħet tbiddel l-Kap wara l-elezzjoni minħabba li kien hemm deputati żgħar li kienu għadhom kif ġew eletti, u li setgħu jitħajru jikkontestaw huma.
Din l-klikka riedet tagħlaq il-bieb għal possibilita li bħala Kap tal-PN jerġa’ jiġi elett xi ħadd li mhux fil-kontroll assolut tagħhom Hekk kien ġara b’Adrian Delia u l-klikka għalkemm neħħietu minn Kap, sabet lilha nfissha tbati fir-riżultati tad-deputati li ġġieldu kontra Delia.
Għalhekk ttieħdet decizjoni li jibqa’ Bernard Grech li wara kollox immexxi minn din l-klikka taħt id-direzzjoni ta’ Karol Aquilina. Aquilina għandu kontroll fuq il-Kap Nazzjonalista għaliex allegatament huwa viċin ħafna ta Richard Cachia Caruana li fil-PN dejjem kellu saħħa enormi. Fil-PN ħafna jibżgħu jeħduha kontra Aquilina. Ħafna jobduh għax jafu li jekk jurtawh, jugżahom lil Richard Cachia Caruana. B’dan il-mod Cachia Caruana għadu jikkmanda fil-PN.
L-istess jista’ jingħad għal Metsola li l-profil tagħha fil-PN dejjem inbena ghaliex hija viċin Richard Cachia Caruana. Sorsi qalulna li t-tensjoni bejn min se jibqa’ jkollu ‘l aktar saħħa fil-PN, jekk hux Karol Aquilina jew Metsola, issa qed jintensifikaw.
Aquilina jqis lil Metsola theddida għall-poter u s-saħħa tieghu. Mhux biss għax bħalu hija viċin Richard Cachia Caruana imma għaliex Karol Aquilina jaf li Matthew Tabone huwa l-favorit ta’ Metsola biex jikkmanda l-poltika tagħha.
B’hekk, Aquilina jaqbillu li Kap tal-PN jibqa’ Bernard Grech għax Grech jaf li jibqa’ Kap biss jekk jobdi lil Aquilina.
Għalhekk, dawn iż-żewġ politiċi, Metsola u Aquilina, meqjusa li għandhom saħħa fil-PN għax it-tnejn viċin Richard Cachia Caruana, issa qed jikkompettu fuq min minhom se jibqa’ jkollu l-aktar poter u sahha.
Fil-fatt, sorsi qalulna li anke meta Metsola kienet saret President tal-Parlament Ewropew fl-2022, Karol Aquilina xejn ma esprima entuzjazmu u waqt li l-PN kien f’dagħdiha jawguraha fuq il-midja soċjali, Aquilina ftit li xejn inċensaha.
Din it-tensjoni qiegħda twassal għal allegata qasma u firda oħra fil-PN b’Karol Aquilina determinat li jżomm lil Grech bħala Kap tal-PN u Metsola timbotta bil-fazzjonijiet tagħha ħalli Grech ma jġibx riżultati li mbagħad jgħalqulha l-bieb għal xi ambizzjoni ta’ tmexxija.