Monday, December 9, 2024

Iġġib fix-xejn xhieda ta’ Jason Azzopardi fil-Qorti …. lanqas lill-istaff tiegħi ma ngħid’ – l-iskrivana tal-Parlament

Aqra wkoll

Dikjarazzjoni li l-avukat ta’ Repubblika Jason Azzopardi għamel fil-bidu ta’ Ottubru inġabet kompletament fix-xejn  din il-ġimgħa waqt xhieda fil-Qorti mill-iskrivan tal-Kamra tad-Deputati, Elaenor Scerri. L-iskrivana ddikjarat b’mod ċar u bla tlaqlieq f’xhieda fil-Qorti li “lanqas lill-istaff tiegħi ma ngħid’ u dan b’riferenza għal meta l-Awditur Ġenerali ikun se jżur lill-Ispeaker biex jippreżentalu ir-rapporti. 

Fid-9 ta’ Ottubru, meta kien qiegħed jixhed f’kawża Kostituzzjonali miftuħa mill-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Azzopardi ddikjara bil-ġurament li huwa kien sar jaf minn xahar qabel li kien se jiġi ppublikat rapport tal-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, għax ġie informat b’dan mill-istaff tal-Parlament. 

Meta f’Ottubru kien mistoqsi mill-avukat Charlon Gouder x’ried jgħid biha meta f’post partikolari fuq Facebook f’Marzu tas-sena 2023, huwa talab lill-qarrejja biex ikellmuh fi żmien xahar,  l-avukat ta’ Repubblika kien wieġeb li impossibbli jiftakar dak li kiteb huwa stess għax fi kliemu mhux prużuntuż.

Dr Gouder kien staqsa lil Dr Azzopardi jekk fix-xahar ta’ wara dan il-post tiegħu fuq Facebook, kienx ġie ppublikat xi rapport partikolari. Għal darb’oħra Dr Azzopardi reġa’ wiegeb li ma jiftakarx. Għal din it-tweġiba Dr Gouder ġibed l-attenzjoni tax-xhud li fix-xahar ta’ wara l-post tiegħu, kien ġie ppubblikat rapport tal-Awditur Generali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, u staqsih jekk fil-post tiegħu kienx qed jirreferi għalih.

Hawnhekk Dr Azzopard kien wieġeb li l-probabbilità hi li iva kien qed jirreferi għal dan ir-rapport. F’Ottubru Dr Gouder kien immedjatament staqsa lill-avukat ta’ Repubblika kif kien jaf minn xahar qabel li kien ħiereġ dan ir-rapport. Azzopardi kien wieġeb li minkejja li f’dak iż-żmien ma kienx għadu membru tal-Parlament, huwa kien informat li kien se jkun ippubblikat ir-rapport tal-Awditur mingħand l-istaff tal-Parlament, li skont huwa jkunu jafu bilquddiem. Mistoqsi minn fejn toħroġ din il-procedura, Dr Azzopardi ma kienx jaf iwieġeb.

Nhar it-Tlieta kien imiss lill-iSkrivan tal-Kamra tad-Deputati, Eleanor Scerri li tixhed fl-istess kawża. Għal mistoqsijiet tal-avukat Vincent Galea, Scerri spjegat illi meta l-Awditur Ġenerali jlesti rapport, jinforma lill-Assistent Personali tal-iSpeaker u jitolbu appuntament biex ikun ippreżentat l-istess rapport. Talba bħal din, kompliet tghid Scerri, issir madwar ġimgħa biss qabel effettivament jingħata l-appuntament.

L-iSkrivan tal-Kamra xehdet li meta jingħata l-appuntament l-Awditur Ġenerali u d-deputat tiegħu jiġu jagħtu kopji tar-rapport lill-iSpeaker u lilha. Ikun hemm ukoll kopji għal xi membri Parlamentari. Ir-rapport tal-Awditur imbagħad ikun impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dak in-nhar stess li jiġi ppreżentat lill-iSpeaker u b’hekk isir pubbliku. Scerri qalet li l-kopji tar-rapport lill-membri Parlamentari jinżammu fl-uffiċċju tagħha u jitqassmu biss x’ħin tibda s-seduta Parlamentari. 

Mistoqsija minn Dr Galea min ikun jaf biż-żjara tal-Awditur għand l-iSpeaker, l-iSkrivan tal-Kamra wieġbet li jkunu jafu l-Awditur u l-iSpeaker, l-Assistent Personali tal-iSpeaker, id-deputat Awditur Ġenerali u hi stess. ‘Ma jkunx hemm nies oħra informati. Jien lanqas lill-istaff tiegħi ma ngħid”, iddikjarat Scerri.

Mitluba tgħid jekk fil-każ tal-preżentazzjoni tar-rapport tal-Awditur dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet ta’ Mejju 2023 intużatx din il-proċedura, Scerri wieġbet li waqt li hija ilha Skrivan tal-Kamra mill-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, tifhem imma li l-proċedura dejjem kienet dik li semmiet hi. 

‘Jien komplejt fuq dak li kien hemm qabel’, saħqet l-iSkrivan tal-Kamra.

Ix-xhieda ta’ din il-ġimgħa ġġib fix-xejn dak li qal bil-ġurament Jason Azzopardi x-xahar li għadda. Mid-dettalji mogħtijin mis-sinjura Scerri jirriżulta bl-iktar mod ċar li mhux minnu li l-istaff tal-Parlament ikun jaf li l-Awditur Ġenerali jkun se jippreżenta rapport lill-iSpeaker sa minn xahar qabel, kif allega l-avukat ta’ Repubblika.

Jirriżulta għalhekk li bix-xhieda tiegħu, l-avukat ta’ Repubblika ħoloq dubji serji għal xejn b xejn u mingħajr l-iċken prova, fuq l-operat u fuq l-integrita tal-istaff kollu tal- Parlament.

Ġaladarba issa Ġie stabbilit li Azzopardi ma seta’ qatt sar jaf minn naħa tal-Parlament li kien se jkun ippublikat ir-rapport tal-Awditur, tqum il-mistoqsija minn fejn verament waslitlu l-informazzjoni li imbagħad, kif ta’ spiss iħobb jagħmel, mar xandar minnufih permezz ta’ post fuq Facebook. 

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport