Sunday, October 27, 2024

“Tarbija fil-ġuf għandha bżonn min iħobbha mhux min jiskartaha jew ipoġġiha fil-friża”

L-Arċisqof Charles Scicluna

Aqra wkoll

F’omelija li għamel waqt quddiesa fil-Kappella tal-Monasteru ta’ Santa Skolastika fil-Birgu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna appella biex l-Insara jevitaw dik li sejħilha bħala l-“kultura tal-iskart”. 

L-Arċisqof nnota kif il-pajjiżi kollha tal-Ewropa, barra aħna, għandhom l-abort skont il-liġi. Qal iżda li l-għażla qiegħda f’idejn kull wieħed u waħda minna. “Tgħidli: mela kif qed tgħid inti jista’ jidħol l-abort u kulħadd jagħżel hu? Ma nafx x’se nagħmlu aħna ‘l quddiem għax diġà għandna liġijiet bil-mustaċċi u bid-daqna imma aħna nippretendu aħjar mis-soċjetà. It-tarbija fil-ġuf hija persuna innoċenti li għandha bżonn mhux min jiskartaha jew ipoġġiha fil-friża biex xi darba jiġi xi ħadd jadottaha, imma għandha bżonn min iħobbha tassew.”

Huwa qal li weġġa’ jisma li kien hemm persuna li kellu ħaddiem mhux Malti, korrielu fuq ix-xogħol u poġġieh fil-karozza u ramieh għal għonq it-triq. “Qisu xkora żibel. Bniedem li pprova jgħinek tħallsu bil-boqxix u titrattah ta’ żibel? Dik hija l-kultura tal-iskart, l-aħwa, għax ta’ kulur differenti,” qal l-Arċisqof.

Huwa kompla jgħid li mhux kulħadd jitwieled perfett. “Għaldaqstant min mhuwiex perfett niskartawh?” żied jistaqsi l-Arċisqof. Huwa qal li jħossu kommoss meta jara l-poplu Malti jkun ġeneruż mad-Dar tal-Providenza. Qal li d-Dar tal-Providenza hija monument ta’ kultura li tgħid: dawk ħutna, mhumiex skart, se nieħdu ħsiebhom, la npoġġuhom fil-friża u lanqas noqtluhom.

Kien hawn fejn qal li għandu jkollna iżjed sens tad-dinjità tal-bniedem. “Aħna l-istess nies li ninkwetaw bil-qtil fil-gwerer imma mbagħad ngħidu li għandna dritt noqtlu tarbija fil-ġuf. Ippruvaw ifhmu x’sens fih dan! Jekk mhijiex kultura tal-iskart li bniedem tarmih mal-ġenb, jew inkella tarah fil-bżonn u tibqa’ għaddej, mhijiex problema tiegħi ħi, jagħmel hu, ħaqqu! Kemm ngħiduha dik u nitkażaw b’xulxin.”

Sport