Sunday, December 22, 2024

Tatu bis-sikkina biex tiddefendi lilha nfisha

Aqra wkoll

Mara li tat daqqiet ta’ sikkina u weġġgħet lill-eks sieħeb tagħha wara li allegatament ipprova jistupraha kienet illiberata mill-akkużi li kkaġunatlu ġrieħi gravi wara li l-Qorti sabet li hija kienet aġixxiet sabiex tiddefendi ruħha.

L-inċident seħħ fis-sigħat bikrin tal-14 ta’ Mejju, 2019, fid-dar tal-mara f’Ħaż-Żabbar. Il-mara xehdet li hija kienet marret toqgħod Ħaż-Żabbar wara li r-relazzjoni tagħha mal-allegat vittma, ta’ nazzjonalità Libjana, kienet spiċċat, iżda huwa qatt m’aċċetta dan.

Dakinhar tal-inċident, ir-raġel mar iħabbat fuq il-bieb tal-appartament u beda jitlobha tkellmu. Wara li daħal fl-appartament, huwa allegatament ipprova jagħmel is-sess magħha iżda hi rrifjutat u tatu daqqa f’wiċċu.

Hija qalet li r-raġel kien baqa’ jiġri warajha mal-appartament kollu, qabel spiċċat f’rokna fil-kċina fejn huwa allegatament baqa’ jippressaha mal-bank. Tgħid li dak il-ħin qabdet sikkina biex tbeżżgħu biha, iżda r-raġel spiċċa biex weġġa’ lilu nnifsu biha qabel telaq mid-dar.

Il-Qorti semgħet ukoll kif ir-raġel kien mar id-dar ta’ sieħbu fejn minn hemm ittieħed lejn iċ-ċentru tas-saħħa. Il-Qorti nnotat li r-raġel baqa’ jiffastidjaha anke wara li seħħ dan l-inċident mal-mara.

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo lliberatha mill-akkużi wara li ddeċidiet li dan kien każ ta’ ‘self-defence’, fid-dawl tal-fatt li hija kienet ġiet attakkata minnu u l-istorja twila ta’ fastidju fuqha li “kissrilha ħajjitha”.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Eman Hayman filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti deher għall-mara.

Ekonomija

Sport