Saturday, April 27, 2024

Żieda qawwija fl-ammont ta’ nies li qasmu l-fliegu fl-2022

Aqra wkoll

Matul is-sena li għaddiet, qasmu l-fliegu 5,694,804 passiġġier, li jfisser żieda sostanzjali ta’ 27.9% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) fejn jingħad li meta wieħed jinkludi s-servizzi tal-fast ferry u tal-Gozo Channel, in-numru ta’ vjaġġi żdiedu b’2,286.

L-istatistika turi kif fl-2022, in-numru ta’ vetturi li qasmu bejn Malta u Għawdex żdiedu b’233,186, filwaqt li kien hemm żieda ta’ 1,243,112-il passiġġier meta mqabbel mal-2021. Lulju kien ix-xahar li fih saru l-aktar vjaġġi (3,892) filwaqt li f’Awwissu ġie rreġistrat l-akbar numru ta’ passiġġieri u vetturi li qasmu l-fliegu, (634,335 u 198,795 rispettivament).

Ċifri oħra juru li bejn Ottubru u Diċembru tal-2022, kien hemm 1,397,409 passiġġier li qasmu bejn Malta u Għawdex, li jfisser żieda ta’ 17.9% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.

It-total ta’ vjaġġi li saru fir-raba’ kwart tas-sena bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa kienu jammontaw għal 8,886, żieda ta’ 4.8% fuq l-istess perjodu tal-2021. Ottubru kien l-aktar xahar li fih saru vjaġġi fir-raba’ kwart tas-sena bejn Malta u Għawdex (3,325 jew 34.8% tat-total ta’ vjaġġi għar-raba’ kwart tas-sena 2022).

F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasport bil-baħar bejn l-Imġarr Għawdex u l-Belt Valletta, jirriżulta li fir-raba’ kwart tas-sena saru total ta’ 680 vjaġġ li bejniethom ġarrew total ta’ 83,370 passiġġier. Meta mqabbel mal-istess kwart tal-2021, in-numru ta’ vjaġġi u passiġġieri naqsu b’75.1% u 29.8% rispettivament.

Sport