Politiċi Ewropej jafu li b’dak li jridu jwettqu se jżidu l-ispejjeż tal-gvernijiet u tal-Unjoni Ewropea. Fuq difiża; fuq inċentivi lir-riċerka u lill-industriji teknoloġiċi li dwarhom l-Ewropa ma tistax taqa’ wara kontinenti oħra; fuq il-ħarsien kontra t-tisħin tal-klima… Il-fondi li jridu jintefqu huma enormi. Sadattant, waqt li l-ekonomiji Ewropej bilkemm qed jikbru, l-ispejjeż soċjali, l-aktar fuq pensjonijiet, saħħa u benefiċċji għall-qgħad qed jiżdiedu b’rata mgħaġġla.
Ir-regoli tal-ewro jirrekjedu awsterità meta l-ħofra fil-baġit tal-gvern tibqa’ tikber, kif qed jiġri. Dejn qawwi biex jiffinanzja l-fondi meħtieġa joħloq aktar probemi u spejjeż. Tnaqqis fis-servizzi soċjali jqajjem diżgwid fil-popli.
Li jiżdiedu t-taxxi hi l-unika triq li tibqa’. Imma anke din mhijiex aċċettata… anke jekk ikunu l-għonja li jintlaqtu b’taxxi ogħla. Dan l-aħħar punt ma jinftiehemx: qed isostnuh partijiet miċ-ċentru politiku, l-lemin u l-lemin estrem. Biss matul is-snin, l-aktar li konsistentement marru tajjeb (u għadhom) huma s-saffi l-aktar għonja tal-popli Ewropej. Għaliex m’għandhomx ikunu huma li jħallsu aktar taxxi fil-qagħda attwali?
STIPENDJI FL-EDUKAZZJONI
L-argument dwar jekk l-istipendji fl-edukazzjoni – speċjalment dik terzjarja – għandhomx jiġu riveduti, li tqajjem dan l-aħħar minn professur universitarju – mhuwiex trivjali. Nifhem li jqajjem inkwiet fost politiċi, żgħażagħ u familji. Imma dan ma jfissirx li m’għandux jiġi diskuss; jew li awtomatikament, is-sitwazzjoni ma tiġix diskussa b’mod kalm u raġunat għax tismot. Veru, did-diskussjoni mhix se ssir; kull naħa politika se tara kif kwalunkwe ċaqliqa dwarha tkun tfisser biss dannu politku għan-naħa l-oħra.
Filfatt hemm ħafna raġunijiet serji għaliex did-diskussjoni għandha tibda. Fosthom: waqt li pajjiżna hu fost l-aqwa f’li jonfoq ras imb’ras fuq l-edukazzjoni, ir-riżultati li jikseb huma fost l-aktar dgħajfa; ħafna jekk mhux maġġoranza ta’ studenti terzjarji għandhom impjieg barra stipendju; bosta gradwati qed ikollhom jaċċettaw impjieg taħt il-livell ta’ edukazzjoni tagħhom…
GWERRA U PAĊI
Ir-rankatura għall-gwerra tinżamm billi dawk kollha involuti fiha jinsistu biss fuq ir-“raġun” tagħhom u jaraw kif jagħmlu biex f’li jgħidu u jagħmlu jeskludu għal kollox li n-naħa l-oħra jista’ jkollha talanqas xi parti mir-raġun. Qed naraw dil-ħaġa tiġri fil-gwerra “żejda” imma qalila ta’ kważi tliet snin, bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Meta jkun qed jiġri hekk, il-perikli huma kbar: li s-sitwazzjoni ta’ gwerra tispiċċa “permanenti”; li l-għanijiet tal-gwerra jispiċċaw mwaħħla fil-għajta ta’ jew kollox jew xejn; li jinfetħu okkażjonijiet fejn il-gwerra tinfirex aktar; li jiżdiedu l-opportunitajiet biex forzi okkulti joħolqu inċidenti li jkomplu jsostnu u jwessgħu l-ġlied; li l-ekonomiji nazzjonali jispiċċaw għal kollox ekonomiji tal-gwerra…