Sunday, October 27, 2024

Tazza tad-Dinja 2023 tan-Nisa: Il-Maltin jiddiżappuntaw

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Malta …………..0

Azerbaijan …..2

It-team nazzjonali Malti tan-nisa sofra telfa diżappuntanti ta’ 2-0 kontra l-Azerbaijan valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2023.

Kien hemm antiċipazzjoni li l-Maltin jiksbu rebħa wara li barra minn darna konna għelibna lill-istess Azerbaijan bl-iskor ta’ 2-1.

Qabel il-partita il-coach nazzjonali Malti Mark Gatt ingħata flokk kommemorattiv mill-president tal-MFA, Bjorn Vassallo, u mid-direttur tekniku tal- football tan-nisa fi ħdan l-Assoċjazzjoni, Pierre Brin­cat, hekk kif din kienet l-aħħar partita tiegħu f’dar­na fit-tmun tat-team nazzjonali waqt li l-partita ta’ nhar it-Tlieta li ġej kontra l-Montenegro se tkun l-aħ­ħar waħda tiegħu fit-tmex­xija ta’ dan it-team.

Kienu l-Azerbaijan li ħarġu fuq l-offenisva u wara biss żewġ minuti xutt ta’ Nazlican Parlak ħabat max-xibka minn barra.

Tmien minuti wara fetħu l-iskor meta Parlak għaddiet tajjeb lejn KRISTINA BAKARANDZE li x-xutt tagħha  ħasad għal kollox lill-goalkeeper, Janice Xuereb, bil-ballun jintemm fir-rokna tax-xibka.

Fis-27 minuta, il-Maltin wieġbu għall-ewwel darba permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ta’ Shona Zammit li ntemm għoli. Fit-43 minuta, huma reġ­għu ħolqu l-periklu b’xutt mid-distanza ta’ Rachel Cus­chieri li iżda ntemm barra.

Fis-60 minuta l-Azerbaijan irduppjaw l-iskor me­ta KAMILLAR MammaDova l-ewwel kellha xutt imblukkat minn Janice Xuereb biex mir-rebound l-istess player b’xamma kbira għall-goal tefgħet il- ballun fix-xibka.

Il-Maltin wieġbu tliet minuti biss wara permezz ta’ xutt insidjuż minn ġol-kaxxa ta’ Nicole Sciberras li iżda ġie devjat f’corner mill-Ażeri.

Malta kompliet tippressa u fis-66 minuta, Maya Lucia qabżet player avversarja qabel għaddiet lejn Maria Farrugia li temmet azzjoni personali permezz ta’ xutt minn ġol-kaxxa li iżda ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper  Aytaj Sharifova.

Fit-88 minuta, il-Maltin kienu sfortunati li ma naqsux il-marġni tal-iskor meta l-veterana Dorianne Theuma kellha t-tentattiv li stampa mal-wieqfa qabel ma ntemm f’idejn Sharifova.

MALTA: 1-Janice Xuereb, 15-Jade Flask (9-Alishia Sultana 60), 16-Charlene Zammit, 4-Emma Lipman, 5-Stephania Farrugia, 14-Shona Zammit (7-Maya Lucia 46), 20-Nicole Sciberras (10-Raina Giusti 68), 18-Maria Farrugia, 17-Brenda Borg (6-Dorianne Theuma 46), 8-Rachel Cuschieri, 21-Haley Bugeja – Coach: Mark Gatt

AZERBAIJAN: 1-Aytaj Sharifova, 13-Nargiz Hajiyeva (3-Zhala Mahsimova 68), 2-Kamilla Mammadova, 4-Nigar Mirzaliyeva, 18-Alina Dorofeeva (23-Yeliz Acar 68), 6-Peritan Bozdag (5-Ayshan Ahmadova 52), 7-Male Mollayeva, 20-Esra Manya (17-Vusala Hajiyeva 86), 16-Nazlican Parlak, 10-Kristina Bakarandze (8-Frangiz Teymurova 86), 9-Sevinj Jafarzade – Coach: Siyasat Asgarov

REFEREE: Silvia Gasperotti (Italja)

ASS. REFEREES: Veronica Martinelli, Veronica Vettorel (Italja)

RABA’ UFF: Anna Frazza (Italja)

SKORERS: K. Bakarandze 10, K. Mammadova 60 (M)

AMMONITI: K. Mammadova, M. Mollayeva (A), M. Lucia (M)

Sport