Friday, May 3, 2024

Tbassir li l-ekonomija Maltija se ssofri daqqa inqas mill-medja li tkun irkuprata fl-2021

Aqra wkoll

Fit-tbassir tagħha dwar l-andament tal-ekonomiji Ewropej, il-Kummisjoni Ewropea qed tbassar li mentri madwar iż-żona ewro, il-ġid nazzjonali mistenni jonqos din is-sena b’7.7%, f’Malta d-daqqa ekonomika se tkun ta’ 5.8%. Dan ifisser li minkejja d-dipendenza qawwija ta’ pajjiżna fuq it-turiżmu, l-effett tal-pandemija tal-COVID-19 se jkun kwart anqas minn dak madwar iż-żona ewro. Barra minn hekk mentri fiż-żona ewro d-daqqa ta’ 7.7% tal-2020, mhux se tkun irkuprata fl-2021 għax it-tkabbir se jkun ta’ 6.3%, f’Malta fl-2021, it-tkabbir ekonomiku se jkun akbar mid-daqqa tal-2020.

L-agħar impatt ekonomiku mistenni jolqot lill-Greċja, bi tnaqqis ta’ 9.7% jew kważi d-doppju ta’ pajjiżna. Anke l-Italja, Spanja u l-Kroazja mistennija jaraw il-ġid nazzjonali tagħhom jonqos b’aktar minn 9%. Il-Ġermanja – il-mutur ekonomiku tal-Ewropa – hi mbassra li tieħu daqqa ta’ 6.5%, jew kważi punt perċentwal aktar minn pajjiżna. Il-Polonja biss hi mbassra li ssofri daqqa ta’ anqas minn 5%. 

Meta wieħed iħares lejn id-daqqa fl-impjiegi, l-esperti tal-Kummissjoni jidhru pożittivi ferm fuq pajjiżna. Mentri bħala medja madwar iż-żona ewro hu mistenni tnaqqis ta’ 4.7%, f’pajjiżna d-daqqa hija mbassra li tkun ta’ 1.8%. Dan ifisser li skont il-Kummissjoni, id-daqqa fl-impjiegi f’pajjiżna se tkun terz ta’ dik fil-bqija taż-żona ewro. L-akbar daqqa fl-impjiegi mistennija tkun fi Franza, bi tnaqqis ta’ 9.1%, jew ħames darbiet dik f’pajjiżna. Ta’ min jinnota li fl-2021, l-impjiegi f’pajjiżna mistennija jogħlew bi 3%, jiġifieri d-doppju tat-telf ta’ impjiegi din is-sena u d-doppju tal-medja fiż-żieda annwali tal-impjiegi osservata sal-2015.

Fejn tidħol ir-rata tal-qgħad, pajjiżna hu mbassar li jara żieda għal 5.9%, kontra medja ta’ 9.6% fiż-żona ewro. Fil-Greċja l-qgħad mistenni jilħaq l-20%, jew aktar minn tliet darbiet il-livell proġettat għal pajjiżna. Barra minn hekk f’pajjiżna fl-2021, il-qgħad mistenni jerġa’ jonqos għal 4.4%, imqabbel mal-medja ta’ kważi 6% mindu pajjiżna daħal fl-UE.

Skont l-esperti tal-Kummissjoni, l-imxija tal-COVID-19 għal Malta tfisser li “a resilient economic growth model tested”. Fil-fatt jikkonkludu li għal pajjiżna dan se jkun “a temporary downturn led by services”. Fi kliem l-esperti Ewropej GDP is expected to contract by 5.8% but should rebound by 6% in 2021”. 

Il-Kummisjoni tindika li l-qagħda tas-suq tax-xogħol flimkien ma’ “households’ high saving rate” se jgħinu jżommu l-konsum. Ir-rapport jinnota wkoll li “increased public spending should partially mitigate the effects of the recession.”

L-impenn tal-gvern favur l-ekonomija hu mbassar mill-esperti barranin li jlaħħaq l-4% tal-ġid nazzjonali. Dan se jwassal biex il-piż tad-dejn nazzjonali jitla’ għal 51.5% – jiġifieri ftit aktar mil-livell li kien fl-2017. It-tkabbir ekonomiku fl-2021 flimkien mal-fatt li ċerti spejjeż se jerġgħu jiġu għan-normal ifisser li l-piż tad-dejn nazzjonali fl-2021 se jerġa’ jibda jonqos.

Il-gvern jilqa’ dan l-aħħar ċertifikat ta’ fiduċja fl-ekonomija ta’ pajjiżna u fir-risposta tagħna biex tingħeleb il-pandemija. Is-saħħa tal-pakkett fiskali, flimkien mar-reżiljenza tan-negozji, il-prudenza tal-banek u t-tifdil li għamlu l-familji tagħna se jwasslu biex fl-2021 pajjiżna jkun irkupra mill-effett tal-COVID-19.

Sport