Nhar it-Tlieta 28 ta’ Lulju kienet waħda mill-aktar jiem impenjattivi u inkoraġġanti għal Team Malta, bl-atleti jikkompetu f’diversi dixxiplini u jagħtu prestazzjonijiet li ħallew impatt tajjeb fuq il-Logħob.
Weightlifting

Roberta Tabone kisbet l-aħjar riżultat ta’ Team Malta s’issa fil-Logħob tal-Commonwealth fi Glasgow, meta temmet fil-ħames post fil-kategorija tagħha bi prestazzjoni li fissret rekord personali, u ftit biss ’il bogħod mill-pożizzjonijiet tal-midalji. Fis-snatch, l-atleta ta’ 31 sena rnexxielha terfa’ 86kg u 89kg, iżda ma rnexxilhiex fit-tentattiv ta’ 91kg. Fil-clean and jerk, hija tellgħet 110kg u 115kg, iżda ma rnexxilhiex r-refa ta’ 117kg. Tabone spiċċat b’total ta’204kg.
Tenishia Thornton ikkompetiet fil-kategorija ta’ -69kg, u fetħet b’snatch ta’ 90kg b’suċċess. Fit-tieni tentattiv ma rnexxilhiex b’93kg, iżda reġgħet ippruvat u rnexxielha fit-tielet tentattiv, biex stabbiliet rekord nazzjonali ġdid. Fil-clean and jerk, hija fetħet b’kunfidenza b’114kg, iżda ma rnexxilhiex tlesti l-irfigħ ta’ 117kg fiż-żewġ tentattivi li kien fadlilha. Hija temmet b’total ta’ 207kg u riżultat impressjonanti fis-seba’ post.
Rylee Borg ikkompeta fil-kategorija ta’ -88kg, fejn irreġistra total ta’ 295kg — inklużi 129kg fis-snatch — biex temm fit-tmien post. Bħala l-iżgħar atleta fil-grupp tiegħu, dan kien riżultat inkoraġġanti li jawgura tajjeb għall-futur internazzjonali tiegħu.
Ġinnastika Artistika

Philippa Busuttil tat prestazzjoni impressjonanti fil-finali tal-Balance Beam, fejn ikkompetiet kontra diversi finalisti Olimpiċi u tal-Kampjonati tad-Dinja. Il-punteġġ inizjali tagħha ta’ 12.700 żdied għal 12.800 wara talba ta’ rieżami li ntlaqgħet, u b’hekk temmet fis-sitt post f’finali li kienet tinkludi ġinnasti ewlenin mill-Awstralja, il-Kanada, l-Ingilterra, Singapore u Wales.
Ir-riżultat tagħha kien 0.2 punti biss ’il bogħod mill-podju, u kien l-ewwel darba li ġinnasta Maltija waslet sal-fażi finali tal-kompetizzjoni f’dawn il-Logħob.
Atletika
Riżultat pożittiv ħafna ieħor wasal mingħand Jared Micallef, li kiseb postu fis-semifinali tat-800m tal-Irġiel. Micallef ta ġirja kkontrollata fil-heats, fejn temm fil-ħames post b’ħin ta’ 1:46.99. Micallef jtellaq fis-semi finali nhar il-Ħamis 30 ta’ Lulju fit-20:45 CET.
Fil-heats tal-400m tal-Irġiel, Matthew Galea Soler wera determinazzjoni kbira, meta rreġistra ħin ta’ 47.38 f’heat kompetittiva ħafna li kienet tinkludi diversi atleti Olimpiċi.
Għawm
Sasha Gatt ikkompetiet fil-heats tat-800m Stil Ħieles tan-Nisa, fejn irreġistrat ħin ta’ 8:56.85 u temmet fit-tielet post fil-heat tagħha.
Lawn Bowls
Connie Rixon affrontat lil Emily Jim tal-Gżejjer Cook f’logħba li bdiet b’mod promettenti, b’Malta tirbaħ l-ewwel ftit ends. Madankollu, il-Gżejjer Cook kisbu tliet punti fl-aħħar end tal-ewwel set biex rebħuh 5–4. Komplew b’dan ir-ritmu fit-tieni set u baqgħu fil-kontroll biex rebħu l-logħba b’mod komdu 9–6.
Fil-Men’s Pairs, Shaun Parnis u Troy Lorimer wettqu rimonta determinata kontra Amirul Abdul Rahim u Mohammad Soufi Rusli tal-Malasja, iżda sfaw megħluba fl-aħħar. Bidu kalm rahom jitilfu ħames punti fl-ewwel end, iżda malajr irkupraw u ġġieldu lura qabel tilfu l-ewwel set b’punteġġ ristrett ta’ 6–5. It-tieni set kien storja differenti, bid-duo jżomm il-pass mal-Malasja, punt għal punt, biex kiseb rebħa ta’ 4–3 u ġiegħel il-logħba tmur għal tie-break.
Fid-decider, Lorimer bena distakk tajjeb b’Malta f’pożizzjoni li tikseb tliet punti, iżda Rusli wettaq drive straordinarju, u ħalla lil Malta b’kompitu kważi impossibbli. Parnis ta li seta, iżda falla bi ftit, u b’hekk il-Malasja kisbet ir-rebħa.
Team Malta terġa’ tkun fl-azzjoni nhar l-Erbgħa 29 ta’ Lulju, meta Claire Azzopardi u Graham Pellegrini (Atletika) se jikkompetu fil-heats tal-200m. Aktar tard matul il-ġurnata, Shaun Parnis u Troy Lorimer ikomplu l-kampanja tagħhom fil-Pari tal-Irġiel kontra Wales.




