Mara kellha tiddaħħal l-Isptar wara li lbieraħ kienet involuta f’inċident fil-Fgura. Kien għall-ħabta tal-10:45 a.m. meta ntalbet l-assistenza tal-Pulizija fi Triq Ħaż-Żabbar.
Mill-ewwel informazzjoni li kiseb dan is-sit irriżulta li mara ta’ 45 sena residenti ż-Żurrieq intlaqtet minn mutur tal-għamla Suzuki Intruder.
Aktar tard, minn informazzjoni kkomunikata mill-Pulizija ntqal li uffiċjal li kien off-duty, lemaħ lis-sewwieq tal-mutur isuq minn fuq il-post u minnufih huwa segwieh bil-mutur personali tiegħu fejn minkejja li ordanlu kemm-il darba biex jieqaf dan baqa’ jsuq.
L-istess uffiċjal irnexxielu jwaqqaf lis-sewwieq, żagħżugħ ta’ 20 sena residenti l-Isla, billi ġibdu mill-flokk u żammu sakemm waslet iżjed assistenza.
Il-mara ngħatat l-ewwel għajnuna minn tim mediku sakemm setgħet tittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanza li ssejħet fil-post. Fi stqarrija maħruġa mill-Pulizija llum, intqal li hija ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi ħfief.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ għadhom għaddejjin.