Friday, December 13, 2024

Teknoloġija innovattiva li tkejjel is-sinjali vitali b’modi mhux invażivi b’investiment ta’ €200,000

Aqra wkoll

Proġett bl-isem ta’ Non-Invasive Vital Signs (NIVS) huwa mmirat biex jirreġistra data dwar ir-rata tal-qalb u tan-nifs permezz ta’ kameras normali u kameras tat-tip infrared thermography. Dan hu frott il-kollaborazzjoni ta’ riċerka bejn id-Dipartiment tal-Biomedical Cybernetics fl-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei, u huwa ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

Il-Ministru Owen Bonnici żar il-Fakultà tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta fejn qed isir xogħol fuq dan il-proġett. Il-Ministru Bonnici faħħar il-kisbiet ta’ din il-kollaborazzjoni multidixxiplinarja li ġabret flimkien akkademiċi speċjalizzati fl-inġinerija, fl-ICT u fil-mediċina mill-Università ta’ Malta, kif ukoll konsulenti mediċi u professjonisti tal-kura tas-saħħa li jaħdmu fit-taqsima tat-terapija intensiva (ITU) fl-Isptar Mater Dei.

Dr Bonnici enfasizza l-importanza tar-riċerka biex tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi li b’mod konkret itejbu ħajjet in-nies. 

“Dan il-proġett jista’ jkollu impatt qawwi fuq is-settur tas-saħħa billi jindirizza t-tħassib urġenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) fir-rigward tat-tixrid ta’ mikrobi reżistenti għall-antibijotiċi, filwaqt li jtejjeb ħafna l-kumdità tal-pazjenti waqt li jirċievu l-kura tas-saħħa”, qal Dr Bonnici.

Il-Koordinatur tal-Proġett Dr Owen Falzon spjega li, “Il-prinċipju wara dan il-proġett huwa li bidliet sottili fil-kulur tal-ġilda tal-wiċċ iseħħu hekk kif demm frisk jiġi ppumpjat mill-qalb ma’ kull taħbita, u wkoll li t-temperatura madwar l-imnifsejn tiżdied kull darba li persuna toħroġ in-nifs ’il barra u toħroġ arja sħuna. Tekniki speċjali ta’ analiżi tad-data jistgħu jipprovdu din l-informazzjoni minn reġistrazzjonijiet tal-wiċċ meħuda b’dawn il-kameras. Dan il-metodu ta’ monitoraġġ tal-parametri tal-ġisem huwa inqas invażiv u għalhekk ma jiġix b’wires jew bi stickers skomdi mwaħħla mal-persuna”.

Dan il-proġett għandu l-għan li jiżviluppa sistemi ġodda li jużaw immaġini u tekniċi viżivi u termali kkombinati biex jipprovdu stimi affidabbli tar-rata tal-qalb u tar-rata tan-nifs f’ambjenti kliniċi tad-dinja reali.

It-teknoloġija tal-monitoraġġ mingħajr kuntatt hija qasam ta’ interess kbir bħalissa fid-dinja xjentifika, peress li toffri possibbiltajiet għall-monitoraġġ tal-pazjenti filwaqt li tippermettilhom li jkunu mobbli u aktar attivi. Tista’ tintuża wkoll biex timmonitorja l-pazjenti fl-ambjenti ta’ darhom, b’xi sensors li jistgħu jitqiegħdu taħt is-saqqijiet jew jintlibsu fil-ħwejjeġ tal-pazjenti.

Ekonomija

Sport