Monday, May 12, 2025

Telefonata turi li ħu l-aggressur tas-sinagoga f’Texas ħeġġu biex iċedi

Aqra wkoll

Ir-raġel Britanniku li żamm erba’ persuni ostaġġi ġewwa sinagoga f’Texas kien imħeġġeġ minn ħuh biex iċedi. Dan ħareġ minn telefonata li kellhom bejniethom.  

Fl-aħħar telefonata li Malik Faisal Akram għamel lill-familjari tiegħu ġewwa Blackburn hekk kif kien għaddej l-assedju, hu qal lil ħuh li hu mar hemm “biex imut”. B’rabta ma’ dan il-każ ġew arrestati żewġt irġiel: wieħed minn Manchester u ieħor minn Birmingham. 

Malik, li kellu 44 sena, inqatel b’tiri t’arma tan-nar mill-pulizija wara xejn inqas minn 10 sigħat ta’ konfrontazzjoni. Il-każ seħħ ġewwa Colleyville qrib Dallas u l-erba’ ostaġġi nħelsu qawwijin u sħaħ. 

Jidher li l-każ żvolġa hekk kif Akram daħal fis-sinagoga u għamel tabirruħu li hu persuna bla saqaf fuq rasu. Hekk kif daħal hu ħareġ arma tan-nar. 

Il-ġurnal Jewish Cronicle kiseb l-awdjo tat-telefonata li Malik kellu mal-familjari tiegħu u fiha jidher ċar l-isforzi kbar li għamlu l-qraba tiegħu biex jikkonvinċuh ħalli jċedi. Evidenti wkoll kienet id-deterjorazzjoni mentali li beda jsofri Malik kif ukoll it-tensjoni dejjem teskala ġewwa s-sinagoga.

Fit-telefonata ħuh Gulbar repetutament jinstema’ jħeġġeġ lil Malik biex iċedi u jfakkru li l-ostaġġi huma innoċenti. Hu beda jħeġġu biex iġib quddiem għajnejh it-tfal tal-ostaġġi. Min-naħa l-oħra l-aggressur beda jgħidlu li hu kien determinat li jmut u qallu li “se jmut martri”.

Fir-rekording tat-telefonata, li l-esperti qalu li hu awtentiku, Malik jitkellem kontra l-Lhud u l-azzjonijiet tal-Istati Uniti ġewwa l-Lvant Nofsani. Huwa beda wkoll jitlob għall-ħelsien ta’ Aafia Siddiqui, li hija newroxjenzat mill-Pakistan li kienet ġiet arrestata fl-Istati Uniti u ngħatat sentenza ta’ 86 sena ħabs. Malik jinstema’ jgħid li hu ilu sentejn jitlob lil Allah għal opportunità bħal din. 

L-MI5 jidher li kienu investigaw lil Malik madwar 18-il xahar ilu iżda kienu ddeċidew li mhux ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali. Malik kien ilu biss ġimagħtejn fl-Istati Uniti. 

Sport